Kawża C-359/18 P: Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2018 mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-22 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-80/16, Shire Pharmaceuticals Ireland vs EMA
C2942018MT2320120180601MT0031232242
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2018 mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-22 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-80/16, Shire Pharmaceuticals Ireland vs EMA
(Kawża C-359/18 P)2018/C 294/31Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) (rappreżentanti: S. Marino, A. Spina, S. Drosos, T. Jabłoński, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Shire Pharmaceuticals Ireland Ltd, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-80/16;
—
tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat u;
—
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura (inklużi l-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-EMA tqajjem żewġ aggravji:
1)
L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-EMA tosserva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-prodotti mediċinali orfni ( 1 ) għandu jinqara b’mod separat mill-Artikolu 5(2). Tali interpretazzjoni tikser l-Artikolu 5(1) sa fejn tikser l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni.
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-EMA tosserva li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta fil-punt 64 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-EMA kellha tibbaża ruħha fuq il-kunċett ta’ prodott mediċinali meta tistabbilixxi, għall-finijiet tal-Artikolu 5(1), jekk talba intiża għad-denominazzjoni bħala prodott mediċinali orfni tkun tikkoinċidi ma applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ippreżentata preċedentement.
2)
Fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-EMA tosserva li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq qari żbaljat tal-kunċett ta’ prodotti mediċinali, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83/KE ( 2 ), sa fejn din qieset li differenza relattiva għall-eċċipjenti u għall-metodi ta’ amministrazzjoni bejn iż-żewġ prodotti kienet tagħmilhom differenti għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar il-prodotti mediċinali orfni.
( 1 ) Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1999 dwar il-prodotti mediċinali orfni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 21).
( 2 ) Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).
Full & Egal Universal Law Academy