17.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Ġunju 2018 – UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, DPD Dynamic Parcel Distribution GmbH & Co. KG, Bundesverband Paket & Expresslogistik e.V. vs Deutsche Post AG
(Kawża C-374/18)
(2018/C 328/34)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landgericht Köln
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, DPD Dynamic Parcel Distribution GmbH & Co. KG, Bundesverband Paket & Expresslogistik e.V.
Konvenuta: Deutsche Post AG
Domandi preliminari
1.
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tawtorizza derogi previsti fl-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 biss fil-każ li fih vettura ta’ fornitur ta’ servizz universali, fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/67/KE (2) tittrasporta unikament u esklużivament spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali, skont l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, jew derogi mill-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 huma wkoll awtorizzati fil-każ li fih il-vetturi kkonċernati, minbarra t-trasport ta’ spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali, jittrasportaw ukoll spedizzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-servizz universali?
2.
Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun li derogi mill-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 huma awtorizzati wkoll meta l-vetturi kkonċernati jittrasportaw ukoll spedizzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, minbarra spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali:
a)
F’dan il-każ, liema huwa l-proporzjon minimu li għandu jiġi stabbilit għal spedizzjonijiet ittrasportati minn vettura fil-kuntest tas-servizz universali?
b)
F’dan il-każ, liema huwa l-proporzjon massimu li għandu jiġi stabbilit għal spedizzjonijiet li ma humiex ittrasportati fil-kuntest tas-servizz universali u li l-vettura tittrasporta simultanjament mal-ispedizzjonijiet tas-servizz universali?
c)
Kif għandhom jiġu ddeterminati, f’kull każ, il-proporzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b)?
d)
Għandu jkun hemm proporzjon bħal dak deskritt taħt il-punti (a) u (b) għal kull traġitt individwali tal-vettura kkonċernata jew huwa biżżejjed li jkun hemm proporzjon medju, ibbażat fuq it-traġitti kollha mwettqa mill-vettura inkwistjoni?
3.
a)
Dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, dwar ħinijiet tas-sewqan u perijodi ta’ mistrieħ għal vetturi jew għal kombinazzjoni ta’ vetturi intiżi għat-trasport ta’ merkanzija b’massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 2,81 tunellati u ta’ inqas minn 3,51 tunellati li tirriproduċi letteralment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, għandha tiġi interpretata esklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni?
b)
Minkejja r-riproduzzjoni letterali tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali tista’ tapplika kriterji derogatorji sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet li ġew riprodotti mid-dritt tal-Unjoni?
4.
Huwa ostakolu għall-klassifikazzjoni ta’ spedizzjonijiet bħala spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali skont id-Direttiva 97/67/KE meta, flimkien ma’ tali spedizzjonijiet, jiġu offruti servizzi supplimentari bħal:
—
irtirar (mingħajr ħin);
—
irtirar (bil-ħin);
—
kontroll viżwali tal-età;
—
ħlas kontanti mal-konsenja;
—
spejjeż postali sostnuti mill-ispeditur sa 31,5 kg;
—
servizz ta’ indirizzar mill-ġdid;
—
istruzzjonijiet antiċipati;
—
preferenza għad-data tal-kunsinna;
—
preferenza għall-ħin tal-kunsinna.
(1) Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettiffika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83), kif emendat bl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1).
(2) Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71).
Full & Egal Universal Law Academy