27.8.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 301/19
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2018 minn Mykola Yanovych Azarov mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-26 ta’ April 2018 fil-Kawża T-190/16, Mykola Yanovych Azarov vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-416/18 P)
(2018/C 301/27)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Mykola Yanovych Azarov (rappreżentanti: A. Egger u G. Lansky, Rechtsanwälte)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2018, fil-Kawża T-190/16;
—
tiddeċiedi definittivament hija stess dwar it-tilwima u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318 tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311 tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (2), sa fejn jikkonċernaw lill-appellant, u tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja;
—
sussidjarjament, fir-rigward tat-tieni talba, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin:
1.
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet fundamentali. Il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal-libertà ta’ intrapriża. B’mod partikolari, hija kklassifikat b’mod żbaljat il-miżuri bħala adegwati u proporzjonati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji proċedurali u kisret id-drittijiet proċedurali.
2.
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill ma kienx abbuża mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda kontroll fir-rigward tal-appellant. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali assumiet b’mod żbaljat li l-assenza ta’ provi effettivi kienet irrilevanti.
3.
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill ma kisirx id-dritt għal amministrazzjoni tajba. L-ewwel nett, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-obbligu ta’ imparzjalità tal-Kunsill huma żbaljati. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
4.
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kunsill ma wettaq ebda “żball manifest ta’ evalwazzjoni”.
5.
Il-Qorti Ġenerali kisret, permezz ta’ argument purament politiku, id-dritt għal smigħ xieraq.
(1) ĠU 2016, L 60, p. 76.
(2) GU 2016, L 60, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy