Kawża C-440/18 P: Appell ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 minn Verein Deutsche Sprache e.V. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-23 ta’ April fil-Kawża T-468/16, Verein Deutsche Sprache e.V. vs Il-Kummissjoni Ewropea
C2942018MT3810120180704MT0052381392
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 minn Verein Deutsche Sprache e.V. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-23 ta’ April fil-Kawża T-468/16, Verein Deutsche Sprache e.V. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-440/18 P)2018/C 294/52Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Verein Deutsche Sprache e.V. (rappreżentant: W. Ehrhardt, avukat)
Partij oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ April 2018 fil-Kawża T-468/16 u d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali f’isem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 4 tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ( 1 ) tal-10 ta’ Ġunju 2016.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni l-aggravji li ġejjin:
Tmexxija mhux xierqa tal-proċedura mill-Qorti Ġenerali: l-appellanti tqis mhux xieraq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx użu mill-istrumenti ta’ informazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 24 tal-Istatut u taħt l-Artikoli 88 u 89 tar-Regoli tal-Proċedura. Hija kellha wkoll teżamina f’iktar dettall l-espożizzjoni tal-fatti mill-Kummissjoni, indipendentement mit-talba għall-produzzjoni ta’ provi ppreżentata mir-rikorrenti. Jeżistu elementi suffiċjenti sabiex jiġu kontradetti l-allegazzjonijiet ta’ fatt tal-Kummissjoni.
Trattament żbaljat tal-offerta ta’ prova tal-20 ta’ Frar 2017: l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma eżaminatx f’iktar dettall l-ittra ta’ membru tal-persunal xjentifiku tal-università li tinkludi informazzjoni privileġġata, minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet ammettiet b’mod espliċitu din l-ittra bħala prova.
L-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tisma’ x-xhieda tal-kelliem tal-Kummissjoni, minkejja li d-dokument imsemmi hawn fuq kien jipprovdi elementi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw smigħ.
Preżunzjoni ta’ legalità mhux applikabbli: l-appellanti ssostni li, bil-kontra tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-preżunzjoni ta’ legalità żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax għal sottomissjonijiet ta’ korp tal-Unjoni li, jekk huwa minnu, ikun jikser il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.
Il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ legalità ċċitata mill-Qorti Ġenerali tikkonċerna każijiet oħra u ma tistax għaldaqstant tiġi trasposta għal din il-kawża.
Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-indizji tal-eżistenza ta’ dokumenti oħra: l-appellanti tikkontesta, billi tirrepeti l-argumenti tagħha, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li hija ma pprovdietx indizji konklużivi tal-eżistenza ta’ dokumenti oħra.
Evalwazzjoni żbaljata tal-argumenti tal-appellanti rigward l-obbligu ta’ trasparenza: l-appellanti tosserva li l-Qorti Ġenerali tibda mill-ipoteżi żbaljata ta’ allegazzjoni leċita tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ dokumenti oħra u tinjora għaldaqstant b’mod żbaljat l-argumenti tal-appellanti rigward l-obbligu ta’ trasparenza.
( 1 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.
Full & Egal Universal Law Academy