22.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Teruel (Spanja) fil-11 ta’ Lulju 2018 – XZ vs Ibercaja Banco, S.A.
(Kawża C-452/18)
(2018/C 381/03)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Teruel
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: XZ
Konvenuta: Ibercaja Banco, S.A.
Domandi preliminari
1)
Il-prinċipju tal-assenza ta’ natura restrittiva tal-klawżoli nulli (Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE, tal-5 ta’ April (1)) għandu jiġi applikat ukoll għall-kuntratti u arranġamenti ġuridiċi sussegwenti dwar dawn il-klawżoli, bħalma huwa l-kuntratt ta’ novazzjoni?
Peress li n-nullità assoluta timplika li l-klawżola kkonċernata qatt ma tkun eżistiet fil-ħajja ġuridika u ekonomika tal-kuntratt, jista’ jiġi konkluż li l-atti ġuridiċi sussegwenti u l-effetti tagħhom fuq dik il-klawżola, jiġifieri, il-kuntratt ta’ novazzjoni, ukoll jisparixxu mir-realtà ġuridika, fejn ikollhom jitqiesu bħala ineżistenti u mingħajr ebda effett?
2)
Id-dokumenti li jemendaw jew li jintroduċu tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ klawżoli mhux innegozjati li jistgħu ma jgħaddux mill-verifiki ta’ assenza ta’ natura inġusta u ta’ trasparenza jistgħu jitqiesu li n-natura tagħhom tagħmel parti mill-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April, b’tali mod li jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ nullità bħad-dokumenti oriġinali li kienu suġġetti għal novazzjoni jew għal tranżazzjoni?
3)
Ir-rinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji li tinsab fil-kuntratt ta’ novazzjoni għandha tkun nulla wkoll, sa fejn il-kuntratti li kienu jiffirmaw il-klijenti ma kinux jinformawhom dwar in-nullità tal-klawżola u lanqas dwar il-flus jew id-dħul ekonomiku li huma kellhom dritt jirċievu bħala rimbors tal-interessi mħallsa minħabba l-impożizzjoni inizjali tal-“cláusulas suelo” (klawżoli ta’ rata minima)?
Għalhekk, qed jiġi indikat li l-klijent iffirma rinunzja għall-jedd li jippreżenta azzjoni ġudizzjarja mingħajr ma ġie informat mill-bank dwar x’kien qiegħed jirrinunzja u s-somma flus li kien qiegħed jirrinunzja.
4)
Fl-analiżi tal-kuntratt ta’ novazzjoni li temenda s-self fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 3(1) u 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April, il-klawżola ta’ rata minima l-ġdida inkluża fl-imsemmi kuntratt hija vvizzjata mill-ġdid minn nuqqas ta’ trasparenza, inkwantu l-bank mill-ġdid ma jissodisfax il-kriterji ta’ trasparenza ffissati mis-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tad-9 ta’ Mejju 2013 u ma jinformax lill-klijent dwar il-vera spiża ekonomika ta’ din il-klawżola fl-ipoteka tiegħu, b’tali mod li jkun jista’ jkun jaf ir-rata ta’ interessi (u l-kwota ta’ ħlas riżultanti) li jkollu jħallas fil-każ li tiġi applikata l-klawżola ta’ rata minima l-ġdida u r-rata ta’ interessi (u l-kwota ta’ ħlas riżultanti) li jkollu jħallas fil-każ li ma tiġi applikata ebda klawżola ta’ rata minima u tiġi applikata r-rata ta’ interessi miftiehma fis-self ipotekarju mingħajr applikazzjoni ta’ limitu minimu?
Fi kliem ieħor, billi jimponi d-dokument hekk imsejjaħ bħala “dokument ta’ novazzjoni” fuq il-“klawżoli ta’ rata minima”, l-istabbiliment finanzjarju għandu jkun wettaq il-verifiki ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE u għandu jinforma lill-konsumatur dwar l-ammont tas-somom li fir-rigward tagħhom ġarrab preġudizzju minħabba l-applikazzjoni tal-“klawżoli ta’ rata minima” kif ukoll ir-rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata li kieku dawn il-klawżoli ma kellhomx jeżistu u, sa fejn dan ma jkunx għamel hekk, dawn id-dokumenti huma wkoll ivvizzjati b’kawża ta’ nullità?
5)
Il-klawżoli relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji inklużi fil-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali tal-kuntratt ta’ novazzjoni li temenda s-self jistgħu jitqiesu bħala inġusti minħabba l-kontenut tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 3(1) [tad-Direttiva 93/13], flimkien mal-anness tat-test dwar il-klawżoli inġusti u, b’mod speċifiku, il-punt 1(q) ta’ dan l-anness (jikkostitwixxu klawżoli inġusti dawk li jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor), inkwantu jillimitaw id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw drittijiet li jistgħu jinħolqu jew jirriżultaw wara l-iffirmar tal-kuntratt, hekk kif irriżulta bil-possibbiltà li jintalab ir-rimbors sħiħ tal-interessi mħallsa (konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2016 (2))?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
(2) Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980).
Full & Egal Universal Law Academy