29.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/5
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2018 minn J-M.-E.V. e hijos, S.R.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-26 ta’ April 2018 fil-Kawża T-554/14 – Messi Cuccittini vs EUIPO – J-M.-E.V. e hijos
(Kawża C-474/18)
(2018/C 392/08)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: J-M.-E.V. e hijos, S.R.L. (rappreżentanti: J. Güell Serra u R. Gimeno-Bayón Cobos, abogados)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u Lionel Messi Cuccittini
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla kompletament is-sentenza tas-26 ta’ April 2018 fil-Kawża T-554/14 (1) u, konsegwentement
—
taqta’ b’mod definittiv it-tilwima, jekk l-istat tal-proċeduri jippermetti dan, jew
—
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni skont il-kriterji vinkolanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u
—
tikkundanna lil Lionel Messi Cuccittini jbati l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO li kienet irrifjutat it-trade mark “MESSI” għal probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti “MASSI” peress li kkunsidrat li, minkejja li t-trade marks “MASSI” u “MESSI” huma viżwalment u fonetikament simili u jirreferu għall-istess prodotti, il-Bord tal-Appell kien wettaq żball peress li d-differenzi kunċettwali bejn it-trade marks jevitaw kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni.
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali twettaq erba’ żbalji ta’ liġi, u għalhekk l-appell huwa bbażat fuq erba’ aggravji:
1.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tosserva li kieku l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tal-appellanti, kien jikkonkludi li fil-livell kunċettwali l-kelma “messi” hija b’mod ċar differenti mill-kellma “massi”. Kuntrarjament għal dak li tgħid is-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ripetutament li r-reputazzjoni possibbli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark preċedenti, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.
2.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ukoll meta kkonstatat li r-reputazzjoni tal-kunjom tal-applikant kien fatt magħruf li, anki jekk ma ġietx prodotta prova ta’ dan, u lanqas ma dan ġie allegat mill-istess Lionel Messi quddiem il-Bord tal-Appell, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell peress li huwa fatt li kwalunkwe persuna jista’ jafu jew jista’ jsir magħruf minn sorsi ġeneralment aċċessibbli. Il-grad ta’ għarfien tal-kunjom tal-applikant fl-Ewropa fil-mument tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni (12/06/2017) ma huwiex kwistjoni li tista’ tiġi preżunta fl-2018, b’mod partikoalri meta la kien imqajjem quddiem il-Bord tal-Appell u lanqas sostnut b’xi prova.
3.
F’dan il-każ kien hemm mutatio libelli li jiċħad rimedji legali, peress li l-Qorti Ġenerali ppermettiet motiv ġdid u differenti li ma kienx tqajjem quddiem il-Bord tal-Appell: l-“effett kunċettwali distintiv MESSI”.
4.
Is-sentenza applikat ħażin is-sentenza PICARO/PICASSO peress li (i) fil-kawża PICASSO/PICARO it-trade mark magħrufa kienet it-trade mark tal-opponent “PICASSO”, filwaqt li f’dan il-każ it-trade mark allegatament magħrufa hija t-trade mark li għalija saret applikazzjoni u (ii) dik is-sentenza kienet tirrigwarda l-prodotti fejn il-grad ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju, fil-mument tax-xiri, huwa partikolarment għoli, filwaqt li dan il-każ jirirgwarda l-prodotti ddestinati għall-konsumatur medju fl-Unjoni Ewropea li huwa normalment informat u raġonevolment attent u perspikaċi.
(1) ECLI:EU:T:2018:230.
Full & Egal Universal Law Academy