22.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/5
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja) fit-23 ta’ Lulju 2018 – AS “PrivatBank”
(Kawża C-480/18)
(2018/C 381/07)
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Qorti tar-rinviju
Augstākā tiesa
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: AS “PrivatBank”
Parti oħra fil-proċedura: Finanšu un kapitāla tirgus komisija
Domandi preliminari
1)
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-Kummissjoni [Latvjana tas-Swieq Finanzjarji u ta’ Kapitali] teżamina wkoll l-ilmenti ta’ utenti ta’ servizzi ta’ ħlas li ma ġewx ipprovduti f’Euro jew fil-munita nazzjonali ta’ Stat Membru u, għalhekk, li tikkonstata ksur tal-Liġi [dwar Servizzi ta’ Ħlas u Flus Elettroniku] u li timponi sanzjonijiet, hija konformi mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (1)?
2)
L-Artikolu 20(1) u (5) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu superviżjoni u jimponu sanzjonijiet anki fir-rigward ta’ servizzi ta’ ħlas mhux ipprovduti f’Euro jew f’munita uffiċjali oħra ta’ Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona tal-Euro?
3)
Fil-każ ta’ ħtieġa għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-funzjoni ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva jew tal-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha l-jedd li tirriżolvi t-tilwim bejn il-persuna li tħallas u l-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jirriżulta mir-relazzjonijiet ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 75 tad-Direttiva billi tiddetermina l-persuna responsabbi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni żbaljata ta’ tranżazzjoni?
4)
Fl-implimentazzjoni tal-funzjoni ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva jew tal-proċedura ta’ lment imsemmija fl-Artikoli 80 sa 82 tad-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni sentenza arbitrali li tiddeċiedi tilwima bejn fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u utent ta’ tali servizzi?
(1) Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007 L 319, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy