21.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-26 ta’ Lulju 2018 – SD vs Agrárminiszter
(Kawża C-490/18)
(2019/C 25/17)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SD
Konvenut: Agrárminiszter
Domandi preliminari
1)
Il-“metodu affidabbli” previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/1366 (1), użat sabiex jiġi ddeterminat kull sena, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, in-numru ta’ doqqajs, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-applikant għal għajnuna li għandu jinnotifika n-numru ta’ kolonji tan-naħal u, jekk ir-riposta tkun pożittiva, dan jikkostitwixxi metodu affidabbli?
2)
Jekk jeħtieġ, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 [imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/1366], li jiġi ddeterminat, kull sena, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, in-numru ta’ doqqajs minħabba l-karatteristiċi fiżjoloġiċi tan-naħal li abbażi tiegħu tiġi ddeterminata l-għajnuna lis-settur tal-apikultura, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minnha?
3)
F’każ li tingħata risposta pożittiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovi għal dispożizzjoni li tistabbilixxi f’Jannar, b’mod retroattiv, in-numru rikjest ta’ kolonji tan-naħal?
4)
Il-fatt li l-għoti ta’ fondi lil programmi tal-apikultura għall-perijodu 2017-2019 għandu jsir abbażi tan-numru ta’ doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-kuntest tal-programmi għall-perijodu 2014-2016 jista’ jiftiehem fis-sens li wara l-għeluq tal-perijodu fil-31 ta’ Diċembru 2016, li abbażi tiegħu tingħata l-għajnuna għall-2017, in-numru ta’ doqqajs rikjest għall-għoti tal-għajnuna jista’ jiġi ddeterminat b’mod differenti?
5)
Ir-Regolament (UE) imsemmi iktar ’il fuq jista’ jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissubordina l-ħlas ta’ għajnuna de minimis għal kundizzjoni li ma hijiex konformi mal-imsemmi regolament? L-għajnuna ddeterminata mill-Unjoni Ewropea għandha tkun idonea, fil-prattika, sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ attività tal-apikultura?
(1) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 tal-11 ta’ Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura (GU 2015, L 211, p. 3).