22.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/8
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Barcelona (Spanja) fis-27 ta’ Lulju 2018 – Bondora AS vs XY
(Kawża C-494/18)
(2018/C 381/10)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bondora AS
Konvenut: XY
Domandi preliminari
1)
Dispożizzjoni nazzjonali bħall-paragrafu 4 tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-Ley de Enjuiciamiento civil (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), li ma tippermettix li jiġi prodott u lanqas li jintalab kuntratt u lanqas id-dettall tal-ammont tad-dejn, f’talba fejn il-persuna mitluba hija konsumatur u meta jkun hemm indizji li jista’ jkun li qegħdin jintalbu ammonti bbażati fuq klawżoli inġusti, hija kompatibbli mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 6(1) [TUE], kif ukoll mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE (1)?
2)
Fil-kuntest ta’ talbiet diretti kontra konsumatur, il-fatt li l-persuna li tagħmel it-talba hija meħtieġa tispeċifika, fil-paragrafu 11 tal-Formola A, id-dettall tal-ammont tad-dejn li huwa mitlub il-ħlas tiegħu huwa kompatibbli mal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 (2)? Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġi riprodott, f’dan l-istess paragrafu 11, il-kontenut tal-klawżoli tal-kuntratt li fuqhom huma bbażati t-talbiet diretti kontra konsumatur, lil hinn mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tagħhom, huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni?
3)
F’każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tippreċiża jekk huwiex possibbli, skont il-verżjoni attwali tar-Regolament Nru 1896/2006, li jiġi vverifikat ex officio, qabel ma tingħata l-ordni ta’ ħlas Ewropea, jekk kuntratt konkluż ma’ konsumatur jinkludix klawżoli inġusti u abbażi ta’ liema dispożizzjoni tista’ ssir din il-verifika?
4)
Fil-każ li fil-formulazzjoni attwali tar-Regolament Nru 1896/2006 ma huwiex possibbli li ssir il-verifika ex officio tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti qabel ma tingħata l-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba tiddeċiedi dwar il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1)[TUE].
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
(2) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy