22.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/15
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2018 minn Marion Le Pen mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fid-19 ta’ Awwissu 2018 fil-Kawża T-86/17, Le Pen vs Il-Parlament Ewropew
(Kawża C-525/18 P)
(2018/C 381/16)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Marion Le Pen (rappreżentant: R. Bosselut, avocat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza mogħtija fid-19 ta’ Ġunju 2018 mis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-86/17.
Għaldaqstant:
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-5 ta’ Diċembru 2016, meħuda skont l-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008“dwar miżuri li japplikaw l-Istatut tad-Deputati tal-Parlament Ewropew” [(iktar ’il quddiem il-“miżuri ta’ applikazzjoni”)], kif emendata, li tikkonstata debitu fl-ammont ta’ EUR 298 497,87;
—
tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-1560 innotifikata fis-6 ta’ Diċembru 2016 li tinforma lill-appellanti li kien ġiet kkonstatat debitu fil-konfront tagħha skont deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2016, u li tikkonċerna l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fir-rigward tal-assistenza parlamentari, b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-miżuri ta’ applikazzjoni u tal-Artikoli 78, 78 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;
—
taqta’ u tiddeċiedi dwar l-ammont li għandu jiġi allokat lill-appellanti bħala kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-akkużi infondati magħmula qabel il-konklużjoni ta’ investigazzjoni, mill-ħsara għall-immaġini tagħha, kif ukoll mill-inkwiet kunsiderevoli kkawżat fil-ħajja personali u politika tagħha mid-deċiżjoni kontenzjuża;
—
taqta’ u tiddeċiedi dwar l-ammont li għandu jiġi allokat lill-appellanti bħala spejjeż proċedurali;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha;
—
qabel tiddeċiedi: tistieden lill-Parlament jipproduċi l-fajl amministrattiv tas-Sinjura CG, ir-rekords dwar id-dħul u l-ħruġ tas-Sinjura CG mis-sede tal-Parlament fi Strasbourg u fi Brussell, l-ittra anonima li tat lok għall-ftuħ tal-proċedura kontenzjuża u l-fajl OLAF dwar l-appellanti u l-assistenta tagħha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fuq żbalji ta’ liġi u fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali. L-appellanti ġġustifikat kompletament il-preżentata ta’ elementi ġodda fil-mori tal-kawża minħabba fatti ġodda. Dawn l-elementi jikkostitwixxu estensjoni ta’ dawk li kienu ġew ippreżentati quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament. Il-Qorti Ġenerali kellha setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li kienet tobbligaha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi sabiex tevalwa jekk kienx jeżisti jew le x-xogħol ta’ assistent parlamentari u għalhekk sabiex tevalwa jekk kienx fondat jew le l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament. Barra minn hekk, uħud minn dawn il-provi kienu fil-pussess tal-Parlament, iżda kienu miżmuma moħbija mill-appellanti.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża u ta’ rekwiżiti formali essenzjali. L-assenza ta’ smigħ tal-appellanti mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-fajl jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, tad-dritt għal smigħ personali qabel kwalunkwe deċiżjoni, anki ta’ natura amministrattiva, tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ lealtà tad-dibattiti, tad-dritt għal qorti imparzjali u tal-projbizzjoni ta’ ċaħda tal-ġustizzja li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-miżuri ta’ applikazzjoni, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkonstatat in-nuqqas ta’ motivazzjoni li bih hija affettwata d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fuq żbalji ta’ liġi u fuq żball fil-klassifikazzjoni tan-natura legali tal-fatti, fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi, fuq in-natura diskriminatorja u fuq il-fumus persecutionis, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ legalità.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter, sa fejn is-sentenza appellata tivvalida l-aġir tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li l-iskop reali u l-għan aħħari tiegħu kienu li jagħmlu ħsara lill-appellanti u lill-partit tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy