5.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/26
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2018 minn CSTP Azienda della Mobilità SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-11 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-186/15, CSTP Azienda della Mobilità vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-587/18 P)
(2018/C 399/35)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: CSTP Azienda della Mobilità SpA (rappreżentanti: G. Capo, L. Visone, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Asstra Associazione Trasporti
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tiddikkjara, abbażi tal-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Jannar 2015 fil-proċedimenti dwar għajnuna mill-Istat Sa.35842 (2014/c) (ex 2012/NN) (għal EUR 4 951 838,25) hija nulla fl-intier tagħha sa fejn tistabbilixxi li s-somom mogħtija bħala kumpens għas-servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (għoti ta’ kumpens taħt l-Artikolu 11 għal obbligi ta’ tariffa fis-settur tat-Trasport Pubbliku Lokali (1)) għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżura mhux innotifikata li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u inkompatibbli mas-suq intern;
—
tiddikkjara, abbażi tal-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Jannar 2015 fil-proċedimenti dwar għajnuna mill-Istat Sa.35842 (2014/c) (ex2012/NN) (għal EUR 4 951 838,25) hija nulla fl-intier tagħha sa fejn timponi miżuri operattivi għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat Taljan;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn C.S.T.P. — Azienda della Mobilità S.p.A. — f’amministrazzjoni straordinarja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha l-appellanti tinvoka ħames aggravji bħala bażi għall-annullament tas-sentenza:
I. L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fis-sentenza appellata sa fejn tikkwalifika l-kumpens inkwistjoni bħala “għajnuna ġdida”
Il-kumpens ingħata lill-appellanti wara sentenza tal-Consiglio di Stato fl-2009 li tafferma d-dritt inkwistjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1191/69 għal obbligi ta’ tariffa ta’ servizz pubbliku. Din is-sentenza, minħabba s-sinjifikat tagħha, qatt ma setgħet tiġi interpretata fis-sens li tistabbilixxi miżura ta’ kumpens peress li hija sempliċement iddikkjarat l-eżistenza tiegħu.
II. It-tieni aggravju bbażat fuq li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi meta ġie ddikkjarat li l-kundizzjonijiet Altmark ma ġewx soddisfatti
Il-kwalifika ta’ nefqa ekonomika tal-awtoritajiet pubbliċi teskludi fondamentalment l-applikabbiltà tar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat. Peress li din hija kwistjoni ta’ kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-impriża li twettaq dawn l-obbligi ma tistax tiġi kkunsidrata li ħadet xi vantaġġ. Barra minn hekk, l-appellanti tanalizza punt punt is-sentenza Altmark, sabiex turi li l-prinċipji stabbiliti fiha ġew irrispettati kollha kemm huma.
III. It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fis-sentenza appellata rigward l-evalwazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-miżura ekonomika mal-liġi Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat minħabba l-impossibbiltà tal-miżura li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni
Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li s-suq tat-trasport pubbliku lokali fil-Campania fil-perijodu rilevanti għall-kawża (1996-2002) l-istess bħall-ġurnata tal-lum, kien magħluq għall-kompetizzjoni, u li l-konċessjonijiet jiġġeneraw dritt esklużiv. Għaldaqstant, ma seta’ jkun hemm kompetizzjoni la “għas-suq” u lanqas “fis-suq”.
IV. Ir-raba’ aggravju bbażat fuq li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tipprevali fuq id-deċiżjoni nazzjonali; applikazzjoni żbaljata tal-garanziji proċedurali previsti fir-Regolament Nru 659/99 (2) (Regolament Nru 1589/2015 (3) ); applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sentenza nazzjonali kienet ingħatat iktar minn ħames snin qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza invokata minn din il-qorti ma hijiex rilevanti, peress li ma hemmx preċedenti għal dan il-każ. Għall-kuntrarju, il-Consiglio di Stato meta applika r-Regolament Nru 1191/69, huwa eżerċita prerogattiva rriżervata għal tali qorti. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ ssostni f’dan il-każ li hija għandha setgħa deċiżjonali esklużiva. Iż-żmien twil li għadda mill-għoti tas-sentenza, li kienet applikat id-dritt tal-Unjoni għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kien ħoloq aspettattivi leġittimi. Ma jistax jingħad li l-Consiglio di Stato ma kienx jaf ir-regoli applikati, pjuttost il-Kummissjoni interpretathom b’mod differenti.
V. Il-ħames aggravju bbażat fuq żball fis-sentenza appellata sa fejn ġie applikat b’mod żbaljat ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (4) għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mad-dritt tal-Unjoni; nuqqas ta’ motivazzjoni
Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni fuq bażi legali żbaljata, sa fejn ir-Regolament Nru 1370/2007 ma kienx applikabbli minħabba li daħal fis-seħħ wara s-sentenza li tikkonferma d-dritt għall-kumpens, mogħtija mil-Consiglio di Stato abbażi tar-Regolament Nru 1191/69.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015 L 248, p. 9).
(4) Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy