11.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 54/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Specializat Mureş (ir-Rumanija) fis-7 ta’ Novembru 2018 – SC Raiffeisen Bank SA vs JB
(Kawża C-698/18)
(2019/C 54/06)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Specializat Mureş
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SC Raiffeisen Bank SA
Konvenut: JB
Domandi preliminari
1)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), b’mod partikolari l-premessi 12, 21 u 23 tad-direttiva u l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8 tad-direttiva, jippermettu, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, assjem ta’ mezzi ġudizzjarji kkostitwit minn azzjoni ġudizzjarja ordinarja li ma tistax tiġi preskritta intiża sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur u minn azzjoni ġudizzjarja ordinarja personali, patrimonjali u li tista’ tiġi preskritta li timplimenta l-għan tad-direttiva intiż li jelimina l-effetti ta’ kull obbligu maħluq u eżegwit skont klawżola li n-natura inġusta tagħha fil-konfront ta’ tali konsumatur tkun ġiet ikkonstatata?
2)
F’każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu interpretazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza tar-relazzjoniijet legali ċivili li l-mument oġġettiv li minnu l-konsumatur kellu bilfors ikun konxju jew suppost kellu jkun konxju mill-eżistenza ta’ klawżola inġusta huwa l-mument li fih jintemm il-kuntratt ta’ kreditu, li fil-kuntest tiegħu huwa għandu l-kwalità ta’ konsumatur?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)