11.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 54/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Novembru 2018 – Ferrari S.p.A. vs DU
(Kawża C-720/18)
(2019/C 54/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Ferrari S.p.A.
Konvenut: DU
Domandi preliminari
1)
Sabiex jiġi ddeterminat jekk, min-natura jew mill-portata tiegħu, l-użu ta’ trade mark huwiex ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/95/KE (1), fil-każ ta’ trade mark li tiġi rreġistrata għal kategorija kbira ta’ prodotti, fil-każ ineżami, ta’ vetturi fuq l-art, b’mod partikolari karozzi u l-partijiet tagħhom, iżda li effettivament tintuża għal qasam partikolari tas-suq, fil-każ ineżami, karozzi sportivi lussużi li jiswew il-flus u l-partijiet tagħhom, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suq tal-kategorija tal-prodotti rreġistrati fl-intier tiegħu, jew jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-qasam partikolari tas-suq? Jekk jitqies li l-użu tal-qasam partikolari tas-suq huwa biżżejjed, it-trade mark fir-rigward ta’ dan il-qasam tas-suq għandha tinżamm fil-kuntest ta’ proċedura ta’ revoka?
2)
Il-bejgħ, mill-proprjetarju tat-trade mark, ta’ prodotti użati li diġà ġew ikkummerċjalizzati minnu fiż-Żona Ekonomika Ewropea, jikkostitwixxi użu tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/95?
3)
Trade mark li hija rreġistrata mhux biss fir-rigward ta’ prodott, iżda wkoll fir-rigward ta’ partijiet ta’ dan il-prodott, hija s-suġġett ta’ użu ta’ żamma tad-drittijiet fir-rigward ta’ dan il-prodott meta dan il-prodott ma huwiex iktar ikkummerċjalizzat, kuntrarjament għall-aċċessorji u għall-partijiet ta’ bdil marbuta ma’ dan il-prodott li kien ikkummerċjalizzat fil-passat bit-trade mark?
4)
Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark hijiex ġenwina, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark jipprovdi ċerti servizzi dwar il-prodotti kkummerċjalizzati preċedentement, mingħajr madankollu ma juża t-trade mark?
5)
Sabiex jiġi ddeterminat l-użu tat-trade mark fl-Istat Membru kkonċernat (f’dan il-każ, il-Ġermanja) fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/95, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-użijiet tat-trade mark fl-Isvizzera, konformement mal-Ftehim bejn l-Isvizzera u l-Ġermanja dwar il-protezzjoni reċiproka ta’ privattivi, disinni u trade marks, iffirmat f’Berlin fit-13 ta’ April 1892?
6)
Huwa kompatibbli mad-Direttiva 2008/95/KE li l-proprjetarju ta’ trade mark, li tressqet azzjoni kontrih minħabba r-revoka tat-trade mark, jintalab jattesta komprensivament l-użu tat-trade mark, iżda li r-riskju tal-impossibbiltà tal-prova jiġi impost fuq il-persuna li titlob ir-revoka?
(1) Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).