11.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 54/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja) fid-29 ta’ Novembru 2018 – H. K. vs Prokuratuur
(Kawża C-746/18)
(2019/C 54/13)
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Qorti tar-rinviju
Riigikohus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: H.K.
Parti oħra fil-proċedura: Prokuratuur
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal data li tippermetti li jiġu stabbiliti l-oriġini u d-destinazzjoni, id-data, is-siegħa, it-tul u n-natura, l-għamla ta’ servizz ta’ komunikazzjoni, it-terminal użat u l-lokalizzazzjoni tal-użu tat-terminal mobbli fir-rigward ta’ komunikazzjoni telefonika minn telefon fiss jew minn ċellulari tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali, jikkostitwixxi interferenza tant kbira fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-imsemmija artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tali aċċess fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-riċerka, tad-detezzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali, għandu jkun limitat għall-ġlieda kontra reati kriminali serji, indipendentement mill-perijodu li matul tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aċċess għall-informazzjoni maħżuna?
2)
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ifformolat fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża C-207/18, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-ammont ta’ data msemmija fl-ewwel domanda, li għandhom aċċess għalih l-awtoritajiet nazzjonali, ma huwiex kbir (kemm f’termini tan-natura tad-data kif ukoll f’termini tal-portata temporali), l-interferenza fid-drittijiet fundamentali tista’ tkun iġġustifikata b’mod ġenerali bl-għan ta’ prevenzjoni, ta’ riċerka, ta’ detezzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali u li, iktar ma jkun kbir l-ammont ta’ data li għandhom aċċess għaliha l-awtoritajiet nazzjonali iktar għandhom ikunu serji r-reati kriminali li huma intiżi li jiġu miġġielda permezz tal-interferenza?
3)
Ir-rekwiżit imsemmi fit-tieni parti tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawżi magħquda C-203/15 u C-698/15, li jipprovdi li l-aċċess għad-data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkun suġġett għal kontroll preliminari minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, ifisser li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-uffiċċju tal-prosekutur li jmexxi l-investigazzjoni preliminari, u li skont il-liġi huwa marbut jaġixxi indipendentement, u li huwa suġġett għal-liġi, u li, fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, għandu jeżamina kemm iċ-ċirkustanzi inkriminanti kif ukoll dawk skaġunanti tal-akkużat, iżda li sussegwentement jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji, jista’ jitqies bħala awtorità amministrattiva indipendenti?
(1) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).