11.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 54/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fil-11 ta’ Diċembru 2018 – Association française des usagers de banques vs Ministre de l’Économie et des Finances
(Kawża C-778/18)
(2019/C 54/18)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Association française des usagers de banques
Konvenut: Ministre de l’Économie et des Finances
Domandi preliminari
1.
L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2014/18/UE tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali (1), fid-dawl tal-finalità li dan l-artikolu jagħti lill-kont ta’ pagament jew ta’ tfaddil li l-istess artikolu jawtorizza l-ftuħ jew iż-żamma tiegħu, jew l-Artikolu 12(3) tal-istess direttiva jawtorizzaw, minn naħa, lill-persuna li ssellef tobbliga lill-persuna li tissellef, bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat, tiddepożita d-dħul kollu tagħha minn salarji jew simili f’kont ta’ pagament għal perijodu ddeterminat fil-kuntratt ta’ self, irrispettivament mill-ammont, mill-iskadenzi u mit-tul tas-self u, min-naħa l-oħra, li l-perijodu ddeterminat b’dan il-mod jista’ jilħaq l-għaxar snin jew, f’każ li jkun iqsar, it-tul tal-kuntratt?
2.
L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2007/64/KE tat-13 ta’ Novembru 2007 (2), li kien applikabbli u li issa jinsab riprodott fl-Artikolu 55 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-25 ta’ Novembru 2015 (3), u l-Artikoli 9 sa 14 tad-Direttiva 2014/92/UE tat-23 ta’ Lulju 2014 (4), dwar l-iffaċilitar tal-mobbiltà bankarja u dwar l-ispejjeż sabiex jingħalaq kont ta’ pagament, jipprekludu li l-għeluq ta’ kont miftuħ mill-persuna li tissellef mal-persuna li ssellef sabiex tiddepożita fih id-dħul tagħha bħala korrispettiv għal vantaġġ individwalizzat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu jimplika, jekk jingħalaq qabel l-iskadenza tal-perijodu ffissat f’dan il-kuntratt, it-telf ta’ dan il-vantaġġ, inkluż jekk jingħalaq iktar minn sena wara l-ftuħ tal-kont u, min-naħa l-oħra, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprekludu li t-tul ta’ dan il-perijodu jista’ jilħaq l-għaxar snin jew it-tul totali tal-kreditu?
(1) Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34).
(2) Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).
(3) Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).
(4) Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214).