11.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 54/15
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Diċembru 2018 minn Mellifera e. V., Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-27 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-12/17, Mellifera eV, Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-784/18 P)
(2019/C 54/20)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Mellifera eV, Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung (rappreżentant: A. Willand, Rechtsanwalt)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1.
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2018, Mellifera e. V. vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-12/17, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel talba tar-rikorrenti (l-ewwel inċiż tal-punt 18 tas-sentenza appellata) – intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta tat-8 ta’ Novembru 2016 Ares(2016)6306335 – u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
2.
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta indikata fil-punt 1;
3.
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka essenzjalment żewġ aggravji.
L-ewwel aggravju: Ksur tal-Artikolu 10(1) flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1) u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Qorti Ġenerali, l-estensjoni tal-approvazzjoni għas-sustanza attiva glifosat hija att amministrattiv li jista’ jiġi rrevedut fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006. B’mod partikolari, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għan, il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-portata individwali skont l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2000 hija bbażata fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, u mhux fuq in-numru jew fuq l-identifikabbiltà tal-persuni kkonċernati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
It-tieni aggravju: Ksur tal-prinċipju li d-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ konvenzjonijiet internazzjonali.
Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ interpretazzjoni kemm jista’ jkun konformi mad-dritt internazzjonali, peress li naqset milli tinterpreta l-Artikolu 10 flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 b’mod konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, minkejja li din tal-aħħar hija mingħajr dubju konformi mal-formulazzjoni u mal-għan tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1367/2006.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).