4.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de l’entreprise de Liège (il-Belġju) fil-31 ta’ Diċembru 2018 – SI, Brompton Bicycle Ltd vs Chedech / Get2Get
(Kawża C-833/18)
(2019/C 82/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal de l’entreprise de Liège
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SI, Brompton Bicycle Ltd
Konvenuta: Chedech / Get2Get
Domandi preliminari
—
Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (1), li tistabbilixxi b’mod partikolari l-varji drittijiet esklużivi rrikonoxxuti lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fl-Artikoli 2 sa 5 tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi mill-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ix-xogħlijiet li l-forma tagħhom hija neċessarja sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku?
—
Sabiex tiġi evalwata n-natura neċessarja ta’ forma sabiex jintlaħaq ir-riżultat tekniku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:
—
L-eżistenza ta’ forom oħra possibbli li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku?
—
L-effettività tal-forma sabiex jintlaħaq l-imsemmi riżultat?
—
Ir-rieda tal-allegata persuna li tkun wettqet il-ksur li tilħaq dan ir-riżultat?
—
L-eżistenza ta’ privattiva preċedenti, li llum skadiet, fuq il-proċess li jippermetti li jintlaħaq ir-riżultat tekniku mfittex?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.