DIGRIET TAL-IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI
22 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Appell – Digriet għal miżuri provviżorji – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lil ċerti klabbs tal-futbol – Garanzija mogħtija minn entità pubblika fil-kuntest ta’ self favur tliet klabbs tal-futbol tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Ordni ta’ rkupru – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Urġenza – Motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Fil-Kawża C‑315/18 P(R),
li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2018,
Valencia Club de Fútbol SAD, stabbilita f’Valencia (Spanja), irrappreżentata minn J.R. García-Gallardo Gil-Fournier u A. Guerrero Righetto, abogados,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky, u G. Luengo kif ukoll minn P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Renju ta’ Spanja
intervenjenti fl-ewwel istanza,
L- IMĦALLEF GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI
wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, G. Hogan,
tagħti l-preżenti
Digriet
1
Permezz tal-appell tagħha, Valencia Club de Fútbol SAD (iktar ’il quddiem “Valencia CF”) titlob l-annullament tad-Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑732/16 R, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2018:171), li bih din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha sabiex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/365, tal-4 ta’ Lulju 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36387 (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2013/CP) implimentata minn Spanja għal Valencia Club de Fútbol [SAD], Hércules Club de Fútbol [SAD] u Elche Club de Fútbol [SAD] (ĠU 2017, L 55, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2
L-appellanti, Valencia CF hija klabb tal-futbol professjonali Spanjol imwaqqfa f’1919, li evolva fl-ewwel diviżjoni tal-kampjonat Spanjol tal-futbol.
3
Fl-2012 u fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea kienet mgħarrfa dwar l-eżistenza ta’ allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Generalitat Valenciana fil-forma ta’ garanziji ta’ self bankarju favur tliet klabbs tal-futbol tal-Komunità awtonoma ta’ Valencia, li tagħha tagħmel parti Valencia CF.
4
Fl-4 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, hija kkonstatat, essenzjalment, fl-Artikolu 1 tagħha, li r-Renju ta’ Spanja kien ta għajnuna illegali mill-Istat, inkompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari lil Fundacion Valencia Club de Fútbol (iktar ’il quddiem “Fundacion Valencia”), minn naħa, ammont ta’ EUR 19193000, taħt il-garanzija pubblika mogħtija mill-Instituto Valenciano de Finanzas, l-istituzzjoni finanzjarja tal-Generalitat Valenciana, biex tkopri self bankarju lil Fundación Valencia għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma f’Valencia CF, fil-kuntest taż-żieda fil-kapital minn din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, għal ammont ta’ EUR 1188000 għall-ħlas ta’ kapital, imgħax u spejjeż relatati mal-imsemmi self bankarju. Fl-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja sabiex tipproċedi għall-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni mingħand Valencia CF, inkluż l-imgħax mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar, u tikkomunikalha l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
5
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
6
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, qabelxejn, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni quddiemha, wara, sussidjarjament, li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tkun suġġett għal depożitu ta’ garanzija favur l-Instituto Valenciano de Finanzas u, fl-aħħar nett, iktar sussidjarjament, li tiġi adottata kwalunkwe miżura oħra ta’ sospensjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet li l-Qorti Ġenerali tqis bħala utli.
7
Fl-4 ta’ Novembru 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali għamel lir-rikorrenti mistoqsijiet għal risposta bil-miktub, li għalihom din tal-aħħar irrispondiet fis-7 ta’ Novembru 2016.
8
Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, il-President tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Qorti Ġenerali, provviżorjament tat sospensjoni tal-eżekuzzjoni, sal-adozzjoni tad-digriet li temmet il-proċeduri għal miżuri provviżorji.
9
Fil-5 ta’ Diċembru 2016, il-Fundacion Valencia talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura għal miżuri provviżorji insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba ġiet miċħuda bid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 2017, Valencia Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑732/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:272).
10
Fil-11 ta’ Diċembru 2017, il-President tal-Qorti Ġenerali stieden lir-rikorrenti “tagħti informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, sostnuta minn provi dokumentarji xierqa, inkluż l-aħħar dikjarazzjoni finanzjarja vverifikata, u kwalunkwe tip ieħor ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-bidliet li seħħew wara l-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji”. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fil-21 ta’ Diċembru 2017. Fit-18 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fuq ir-risposti mogħtija mir-rikorrenti.
11
Fl-24 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti talbet li tkun tista’ tippreżenta dikjarazzjonijiet finanzjarji interim tagħha li jkopru l-perijodu mill-31 ta’ Diċembru 2017 u li tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar iż-żewġ argumenti mressqa mill-Kummissjoni fit-teħid tal-pożizzjoni tagħha tat-18 ta’ Jannar 2018. Dan id-dokument iddaħħal fil-proċess u r-rikorrenti ġiet ammessa sabiex tippreżenta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji interim tagħha, kif għamlet fil-5 ta’ Frar 2018.
12
Fit-22 ta’ Marzu 2018, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta d-digriet appellat, li permezz tagħha huwa ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.
13
Għal dan il-għan, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina fl-ewwel lok jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza hijiex sodisfatta. F’dan ir-rigward, hija b’mod partikolari fakkret, fil-punt 39 tad-digriet appellat, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba huwa ġġustifikat biss jekk l-att inkwistjoni jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu gravi u irreparabbli allegat. Hija żiedet, fil-punt 41 tal-imsemmi digriet, li, meta d-dannu invokat ikun ta’ natura finanzjarja, il-miżuri provviżorji mitluba jkunu ġġustifikati jekk jidher li, fl-assenza ta’ dawn il-miżuri, il-parti li qed titlob tkun tinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha qabel l-intervent tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura dwar il-mertu jew li l-ishma tas-suq tagħha kienu se jinbidlu b’mod sinjifikattiv, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-karatteristiċi tal-grupp li għalih hija tappartjeni.
14
Jirriżulta mill-punt 47 tad-digriet appellat li, sabiex turi l-urġenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, ir-rikorrenti sostniet li rkupru immedjat tal-ammonti inkwistjoni jipperikola s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha u jbiddel b’mod sinjifikattiv u irriversabbli l-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-klabbs tal-futbol.
15
F’dan ir-rigward, il-President tal-Qorti Ġenerali kkonstata, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li d-dannu invokat mir-rikorrenti kien ta’ natura pekunjarja.
16
Wara analiżi tal-provi prodotti mir-rikorrenti, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li din tal-aħħar ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni fejn il-vijabbiltà finanzjarja tagħha kienet ser tkun fil-periklu jew li l-ishma tas-suq tagħha jinbidlu b’mod importanti u rrimedjabbli.
17
Il-President tal-Qorti Ġenerali, għalhekk, ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrenti u annulla d-digriet tiegħu tat-10 ta’ Novembru 2016.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
18
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla d-digriet appellat;
–
tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;
–
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
19
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum bħall-att tal-appell, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji.
20
Peress li l-Viċi President u l-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja huma preklużi, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie ddeżinjat fl-4 ta’ Ġunju 2018, sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef għal miżuri provviżorji, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
21
Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2018, Valencia Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (C‑315/18 P(R)-R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:443), adottat mingħajr ma jkunu nstemgħu l-partijiet l-oħra fil-proċedura skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u din sal-adozzjoni tad-digriet li ser isseħħ l-iktar kmieni bejn dak li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji u dak li jagħti deċiżjoni dwar dan l-appell.
22
Fir-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni titlob:
–
li jiġi miċħud l-appell u
–
li tiġi kkundannata l-appellanti għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà
23
Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell li, fl-opinjoni tagħha, huwa bbażat fuq sempliċi nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali.
24
Hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-appell tagħha, l-appellanti essenzjalment issostni, minn naħa, li l-President tal-Qorti Ġenerali ma weġibx għal ċerti argumenti li hija fformulat fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, li rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni prova għaldaqstant iddikjarata minnha, li kellha tiġi prodotta f’data aktar tard. B’dan il-mod, il-President tal-Qorti Ġenerali kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
25
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-kuntest tal-appell, l-isħarriġ tagħha għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali rrispondiet b’mod sodisfaċenti għall-finijiet ta’ dritt l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2016, Chemtura Netherlands vs EFSA, C‑134/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:442, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni, C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll li jiġi vverifikat jekk l-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova ġew osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
26
Minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu
27
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji li jsostnu l-appell tagħha.
Fuq l-ewwel aggravju
28
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-President tal-Qorti Ġenerali li naqas milli jwettaq l-eżami tal-kriterju ta’ urġenza fir-rigward ta’ danni li ma għandhomx natura pekunarja jew finanzjarja, filwaqt li, fir-risposti u dokumenti li hija kienet ipproduċiet fl-24 ta’ Jannar u l-5 ta’ Frar 2018, u li ġew inklużi fil-proċess tal-Qorti Ġenerali, hija rreferiet għal ħsarat oħra, bħal dawk għal klabb tal-futbol li għalaq il-mitt sena, jippreġudikaw l-immaġni tal-marka tagħha kif ukoll danni oħra ta’ natura sportiva. B’dan il-mod, il-President tal-Qorti Ġenerali wettaq analiżi parzjali tal-urġenza, li jikser, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
29
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tal-appellanti.
30
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fl-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti li hija ressqet insostenn ta’ dan l-aggravju essenzjalment huma intiżi li juru li l-Qorti Ġenerali naqset, minkejja argumenti ppreżentati fin-noti tagħha tal-24 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2018, li tieħu pożizzjoni fuq il-kriterju tal-urġenza fir-rigward ta’ danni li ma humiex ta’ natura pekunarja.
31
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ risposta mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza, essenzjalment, jerġa’ jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2016, Chemtura Netherlands vs EFSA, C‑134/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:442, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32
Fid-digriet appellat, wara li fakkar, fil-punt 34 tagħha, minn naħa, li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti, fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li dawn ikunu stabbiliti u jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina mill-bidu jekk il-kundizzjoni dwar l-urġenza kinitx sodisfatta.
33
Huwa enfasizza, fil-punt 47 tad-digriet appellat, li, sabiex turi l-urġenza tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, l-appellanti kienet argumentat li l-irkupru immedjat tal-ammonti inkwistjoni jipperikola s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha u tbiddel b’mod sinjifikattiv u rriversibbli l-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-klabbs tal-futbol.
34
F’dan ir-rigward, huwa rrileva, fl-ewwel lok, fil-punt 48 tad-digriet appellat, fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 20381000 fir-rigward tal-kawża prinċipali u ta’ EUR 2949 523.62 bħala interessi kkalkolati sal-5 ta’ Novembru 2016, li huma s-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru, li d-dannu invokat mill-appellanti kien ta’ natura pekunjarja.
35
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kienet ipprovat li d-dannu invokat kien ta’ natura gravi u irreparabbli, il-President tal-Qorti Ġenerali, billi bbaża ruħu fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji vverifikati għas-sena finanzjarja 2016/2017, li ntemmet fit-30 ta’ Ġunju 2017, prodotti mir-rikorrenti, ikkonstatat, fil-punt 50 tad-digriet appellat, li kien jirriżulta mill-imsemmija dikjarazzjonijiet finanzjarji, l-ewwel nett, li r-rikorrenti kienet stabbilixxiet dispożizzjoni għall-ammonti li jikkorrispondu għas-somma li hija s-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru, it-tieni nett, li r-rikorrenti kellha f’dak iż-żmien żewġ linji ta’ kreditu tal-azzjonist maġġoritarju tagħha li għadhom disponibbli, l-ewwel li kien jammonta għal EUR 12000000 u t-tieni kien jammonta għal EUR 42000000, u fit-tielet lok, li l-azzjonist maġġoritarju f’dak iż-żmien kien ta l-kunsens tiegħu li jagħti s-sostenn finanzjarju tiegħu sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ twettaq l-attivitajiet tagħha. Il-President tal-Qorti Ġenerali żied jgħid, fir-raba’ lok, li r-rikorrenti ma kinitx sostniet li dawn il-linji ta’ kreditu ma kinux iktar validi jew li l-azzjonist maġġoritarju kien reġa’ lura fuq l-impenn tiegħu li jipprovdi s-sostenn finanzjarju meħtieġ biex jiggarantixxi l-kontinwità tal-attivitajiet tiegħu.
36
Fit-tielet lok, il-President tal-Qorti Ġenerali rrileva, fil-punt 51 tad-digriet appellat, li, fid-dawl ta’ dawn il-provi, hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom hija kienet tinsab f’sitwazzjoni fejn il-vijabbiltà finanzjarja tagħha kienet ser tkun fil-periklu jew li jkun hemm riskju li l-ishma tas-suq tagħha jinbidlu b’mod permanenti u irrimedjabbli.
37
Madankollu, hu enfasizza, fir-raba’ lok, fil-punt 52 tad-digriet appellat, li r-rikorrenti naqset milli tagħmel referenza, fl-argument dwar il-qagħda finanzjarja tagħha, għal linji ta’ kreditu disponibbli li kienu jammontaw għal EUR 54000000 u għal sostenn finanzjarju li ngħata l-kunsens għalih mill-proprjetarju maġġoritarju tagħha u ma kinitx spjegat ir-raġunijiet għalfejn għandha tiġi konkluża, minkejja dan is-sostenn, l-eżistenza ta’ riskju għall-vijabbiltà finanzjarja tagħha.
38
Fil-ħames lok, il-President tal-Qorti Ġenerali indika, fil-punti 54 u 55 tad-digriet appellat, fir-rigward tal-allegat riskju li l-ishma tas-suq tar-rikorrenti jiġu mmodifikati b’mod sinjifikattiv u rrimedjabbli, li l-argument tagħha kien essenzjalment ibbażat fuq is-suppożizzjoni li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kinitx intiża li tippermetti li tħallas l-ammonti msemmija fl-ordni ta’ rkupru mingħajr ma twassal għal riperkussjonijiet serji ħafna fuq il-kapaċità tagħha li twettaq it-trasferiment tal-plejers u l-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-klabbs tal-futbol ta’ referenza. Madankollu, ir-rikorrenti naqset milli tagħmel referenza għal linji ta’ kreditu u ta’ sostenn tal-azzjonist maġġoritarju tagħha msemmi fil-punt 37 ta’ dan id-digriet.
39
Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, u bla ħsara għall-argument tar-rikorrenti li hija ma kinitx kapaċi twettaq b’suċċess it-trasferimenti tal-plejers, li għalih il-President tal-Qorti Ġenerali rrisponda fil-punt 55 tad-digriet appellat, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali, kif tallega l-appellanti fl-appell tagħha, ma ħax speċifikament pożizzjoni fuq kwalunkwe ħsarat oħra li ma humiex ta’ natura pekunarja li kienu invokati fin-noti tagħha tal-24 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2018.
40
Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali għandhom ikunu suffiċjentement motivati sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li r-raġunament ikun ċar u li jinftiehem u li jkun, barra minn hekk, ta’ natura li jimmotiva l-konklużjoni li huwa intiż li jsostni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2002, Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑232/02 P(R), EU:C:2002:601, punt 56, u digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 66).
41
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din ma timponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fit-tilwima, u li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2016, Chemtura Netherlands vs EFSA, C-134/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:442, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-danni allegati kollha mir-rikorrenti fin-noti tagħha tal-24 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2018 huma bbażati, kif indikat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 54 u 55 tad-digriet appellat, fuq il-premessa li din ikollha titlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturar preventiv għall-ħlas tal-ammonti msemmija fl-ordni ta’ rkupru jew, mill-inqas, li hija tinsab fl-impossibbiltà li tħallas id-djun tagħha lejn il-plejers u t-tekniċi, ta’ korpi regolatorji jew ukoll ta’ klabbs affiljati mal-lega tal-futbol professjonali.
43
Fil-fatt, fin-nota tagħha tal-24 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturar preventiva “tista’ twassal għal nżul amministrattiv tal-kategorija fil-kompetizzjoni nazzjonali” jew twassal għat-telf tal-istatus ta’ membru permezz tat-tkeċċija ta’ entità sportiva, li jobbliga lill-klabb li naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu biex jitniżżel għal kompetizzjoni “mhux professjonali”. Hija żiedet tgħid li t-tressiq ta’ tali talba seta’ jipprekludi milli tinkiseb liċenzja tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA). Ir-rikorrenti ppreċiżat, sussegwentement, li l-konsegwenzi prinċipali ta’ patrimonju ta’ din is-sitwazzjoni fir-rigward tagħha jikkonsistu f’telf ta’ introjtu minn kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, “il-plejers tat-tim A” bħala korrispettiv għat-trasferiment żero jew baxxa, dħul mid-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva mill-ġdid, dħul mir-reklamar u dħul ta’ kummerċjalizzazzjoni. Ir-rikorrenti enfasizzat, fl-aħħar nett, li r-riskju li ma tipparteċipax f’kompetizzjonijiet professjonali matul wieħed jew saħansitra żewġ staġuni jkollha għaliha effett devastanti, li jikkawża dannu irreparabbli għar-reputazzjoni tal-klabb, li jwassal għal tluq massiv tal-“ plejers tat-“ tim A” kif ukoll telf ta’ diversi miljuni ta’ euro fi dħul regolari tal-klabb.
44
Fir-risposta tagħha tal-5 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti sostniet barra minn hekk li, skont l-istatuti tal-lega tal-futbol professjonali, il-fatt li tonqos milli tħallas id-djun tagħha ma’ plejers u t-tekniċi, ta’ organi regolatorji jew klabbs affiljati għandu jitqies bħala ksur serju ħafna, li jista’ jwassal għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u sanzjonijiet iebsa, bħall-inżul f’kategorija inferjuri, it-telf tal-istatus ta’ membru jew ta’ telf ta’ liċenzja. Għalhekk, is-sempliċi fatt li wieħed jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturar preventiv jista’ jipprekludi lir-rikorrenti milli twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha għal żmien qasir, u għaldaqstant li tipparteċipa f’kompetizzjonijiet professjonali tal-istaġun ta’ wara, u dan għandu konsegwenzi patrimonjali u ekonomiċi devastanti, u tikkawża dannu irreparabbli għar-reputazzjoni tal-klabb.
45
Madankollu, il-veraċità tal-premessa msemmija fil-punt 42 ta’ dan id-digriet ma ġietx stabbilita mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif il-President tal-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni sovrana tiegħu tal-fatti, li l-ineżattezza jew l-iżnaturament bl-ebda mod ma ġie allegat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonstatata fil-punti 48 sa 55 tad-digriet appellat, jidher li r-rikorrenti, li, skont il-konstatazzjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali, għandha linji ta’ kreditu disponibbli li jammontaw għal EUR 54000000 u s-sostenn finanzjarju mogħti mill-azzjonist maġġoritarju tagħha ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn għandha tiġi konkluża, minkejja l-imsemmija linji ta’ kreditu u l-imsemmi sostenn, l-eżistenza ta’ riskju għal vijabbiltà finanzjarja tagħha.
46
Fl-assenza ta’ tali riskju u l-ftuħ ta’ eventwali proċedura ta’ ristrutturar preventiv, huwa mingħajr ma wettaq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma ħa speċifikament pożizzjoni fuq l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegati danni ta’ natura mhux pekunarja jew finanzjarja, li jirriżultaw minn tali ftuħ.
47
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni aggravju
48
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, b’risposta għal domanda magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikseb informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, hija esprimiet il-finalizzazzjoni imminenti minn kabinett ta’ verifika ta’ rapport dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji interim tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2017. Hija enfasizzat, f’dan ir-rigward, fin-noti tagħha tat-21 ta’ Diċembru 2017, tal-24 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2018, l-importanza tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji interim sħaħ u tar-rapport qabel ma l-President tal-Qorti Ġenerali jagħti deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji. Issa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kienet teħtieġ li l-President tal-Qorti Ġenerali jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji biss wara li jkun irċieva l-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti.
49
Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat.
50
Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, fin-nota tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti informat lill-President tal-Qorti Ġenerali li hija tista’ tibgħatlu, fis-7 ta’ Frar 2018, abbozz ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji interim sal-31 ta’ Diċembru 2017 u, fil-każ li l-President tal-Qorti Ġenerali jidhirlu xieraq, l-eżaminazzjoni limitata tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji interim u l-Anness tad-dikjarazzjonijiet intermedji, wara l-akkwist, fil-31 ta’ Marzu 2018, tar-rapport tal-kabinett ta’ verifika msemmi fil-punt 48 ta’ dan id-digriet.
51
Fir-risposta tagħha tal-24 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti għamlet ukoll talba għal preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji interim sal-31 ta’ Diċembru 2017 sabiex, fil-fehma tagħha, tippermetti lill-President tal-Qorti Ġenerali li jkollu stampa globali tas-sitwazzjoni finanzjarja l-iktar aġġornata possibbli qabel ma jagħti d-digriet tiegħu.
52
Peress li l-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba, ir-rikorrenti ppreżentat dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji interim fil-5 ta’ Frar 2018. Fin-nota tagħha li takkumpanja dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrenti pproponiet lill-President tal-Qorti Ġenerali, “minħabba l-importanza tagħhom”, li tippreżentalu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji interim sħaħ kif ukoll l-imsemmi rapport tal-kabinett ta’ verifika li jkun konkluż fil-31 ta’ Marzu 2018.
53
F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-President tal-Qorti Ġenerali ma weġibx għal din il-proposta u ħareġ d-digriet appellat fit-22 ta’ Marzu 2018.
54
B’dan il-mod, il-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaqx żball ta’ liġi.
55
Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nnifisha, tippermetti lill-konvenuta tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji li jiddeċiedi fuq din it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn, l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din tibbaża ruħha għandhom jirriżultaw mit-test stess ta’ din it-talba (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56
Fid-dawl tal-ħeffa li tikkaratterizza, min-natura tagħha stess, il-proċedura għal miżuri provviżorji, wieħed jista’ jeżiġi raġonevolment mill-parti li titlob miżuri provviżorji li tippreżenta, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, mill-istadju tat-tressiq tat-talba tagħha, l-evidenza kollha disponibbli ta’ sostenn, sabiex l-imħallef għal miżuri provviżorji jkun jista’ jevalwa, fuq din il-bażi, il-fondatezza ta’ din it-talba (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57
Anki jekk wieħed jippresupponi li prova tista’ biss, bħal f’dan il-każ, tkun disponibbli wara t-tressiq tat-talba għal miżuri provviżorji, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali huwa biss imħallef bin-neċessità eventwali li jikkumpleta l-elementi ta’ informazzjoni li għandu fuq il-kawżi li huwa adit bihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 67, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2018, l-Istati Uniti tal-Amerika vs Apple Sales International et, C‑12/18 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:330, punt 22].
58
F’dan il-każ, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 36 tad-digriet appellat, qies li, fid-dawl tal-atti tal-proċess, huwa kellu l-elementi kollha neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji.
59
Barra minn hekk, in-natura probaborja jew le tal-atti proċedurali taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tiegħu tal-fatti, u ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell, salv meta dawk il-provi preżentati lill-Qorti Ġenerali jkunu ġew żnaturati jew meta l-ineżattezza sostantiva tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-atti tal-proċess (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 163, u tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, point 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60
Madankollu, tali ineżattezza jew żnaturament bl-ebda mod ma hija allegata f’dan l-appell. Għall-kuntrarju, f’dan id-digriet, l-appellanti sostniet li r-rapport tal-verifika fuq l-eżaminazzjoni limitata ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji interim sħaħ stabbilit mill-kabinett ta’ verifika, eventwalment tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu fit-23 ta’ Marzu 2018, kien limitat biex “jikkonferma s-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabb, kif juru d-dikjarazzjonijiet finanzjarji proviżorji tal-klabb sal-31 ta’ Diċembru 2017”.
61
Minn dan isegwi li t-tieni aggravju kif ukoll l-appell kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
62
Bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
63
Peress li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż kontra l-appellanti u din tilfet t-talbiet tagħha, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-appell kif ukoll fil-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑315/18 P(R)-R.
Għal dawn il-motivi, l-imħallef għal miżuri provviżorji jordna:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Valanecia Club de Fútbol SAD hija kkundannata għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura tal-Appell kif ukoll tal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑315/18 P(R)-R.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy