Edizzjoni Provviżorja
ABBOZZ TA’ SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
16 ta’ Mejju 2019 (*)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Kuntratt Qafas ta’ provvista ta’ servizzi – Servizzi lill-pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-għajnuna esterna tal-Unjoni – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerenti oħra – Allegazzjonijiet ta’ mġiba professjonali ħażina serja kontra offerent – Assenza ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li tistabbilixxi mġiba professjonali ħażina serja – Kundizzjonijiet sabiex il-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju jiġi adit – Offerti anormalment baxxi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ ittra mibgħuta mill-awtorità kontraenti wara l-preżentata tar-rikors – Dritt għal rimedju effettiv – Żmien ta’ stennija sabiex titressaq azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikoli 105a, 106, 108, 113 u 118 tar-Regolament Finanzjarju – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑228/18,
Transtec, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn L. Levi u N. Flandin, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Aresu u J. Estrada de Solà, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018 li tiċħad l-offerta mitfugħa mill-konsorzju li tiegħu r-rikorrenti kienet l-impriża mexxejja għal-Lott Nru 3 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti EuropeAid/138778/DH/SER/Multi, intitolata “Qafas ta’ kuntratt [Kuntratt Qafas ta’ servizzi] għall-implimentazzjoni ta’ għajnuna esterna (FWC SIEA 2018) 2017/S”, u għoti tal-kuntratt lil offerenti oħra u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sostniet minħabba din iċ-ċaħda,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑13 ta’ Frar 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza (1)
Il-fatti li wasslu għall-kawża
[omissis]
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
18 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors, akkumpanjat, permezz ta’ att separat, minn talba intiża għall-ommissjoni ta’ ċerta data fil-konfront tal-pubbliku.
19 Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata u rreġistrat bir-referenza T‑228/18 R, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, li fiha hija, essenzjalment, talbet lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jew jordna, b’mod provviżorju, lill-Kummissjoni biex tinkludiha, flimkien mal-konsorzju li tiegħu hija kienet l-impriża mexxejja, fost l-offerenti magħżula għal-Lott Nru 3.
20 Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, Transtec vs Il‑Kummissjoni (T‑228/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:281), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u żamm l-ispejjeż riżervati. Wara dan id-digriet, il-Kummissjoni nediet il-proċedura għall-firma tal-għaxar kuntratti qafas relatati mal-Lott Nru 3.
21 Sadanittant, permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ April 2018, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 84(1) u l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ippreżentat motiv ġdid u pproponiet prova. Fl-istess ġurnata, permezz ta’ att separat, hija ressqet, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, talba intiża sabiex il-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi ma’ din l-ittra tas‑26 ta’ April 2018 ma jiġix iċċitat fid-dokumenti marbuta ma’ din il-kawża li għandu aċċess għalihom il-pubbliku.
22 Fit‑18 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni pproduċiet ir-risposta, li fiha hija ppreżentat ukoll l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proposta ta’ prova u l-motiv ġdid ippreżentat mir-rikorrenti.
23 Fl‑4 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.
24 Fis‑17 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.
25 Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.
26 Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2019.
27 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-dannu li hija sostniet;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
28 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad it-talba għal annullament;
– tiċħad it-talba tad-danni jekk din titqies bħala anċillari, jew tiddikjaraha inammissibbli jekk din titqies bħala awtonoma;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.
29 Il-Kummissjoni tqis ukoll li ma fadalx lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, peress li din għandha l-istess suġġett bħall-ittra tas‑27 ta’ Marzu 2018, li t-tweġiba għaliha ngħatat permezz tal-ittra tat‑13 ta’ April 2018.
Id-dritt
[omissis]
Fuq il-mertu
Fuq it-talbiet għal annullament
[omissis]
– Fuq l-ewwel motiv
42 Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-punt 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti, li jirreferi għall-punt 2.3.3 tal-Gwida prattika tal-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jixbhu lil dawk tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju, minħabba li hija ma pproċedietx għall-esklużjoni ta’ wieħed minn dawk li ngħataw il-kuntratt. Skont ir-rikorrenti, l-awtorità kontraenti hija marbuta, meta tkun informata, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, b’allegata mġiba ħażina serja fil-qasam professjonali minn offerent, tivverifika l-informazzjoni f’dan ir-rigward u, jekk din l-imġiba ħażina serja tiġi stabbilita b’suffiċjenza fid-dritt, teskludi lill-offerent inkwistjoni mill-proċedura.
43 Fil-każ ineżami, il-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata kienet akkużata mill-awtoritajiet Brittaniċi “għal fatti ta’ abbuż mill-pożizzjoni u ta’ għoti dubjuż ta’ kuntratti pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
44 Insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi tliet dokumenti li hija kienet diġà kkomunikat lill-Kummissjoni, jiġifieri estratt mill-blogg tat-tim “Media” tad-Department for International Development (DFID, id-Dipartiment għall-Iżvilupp Internazzjonali, ir-Renju Unit) tal-Gvern tar-Renju Unit, u żewġ tweġibiet ministerjali għal mistoqsijiet magħmula mill-membri tal-Parlament tar-Renju Unit, li minnhom kien jirriżulta li d-DFID u l-Foreign and Commonwealth Office (FCO, l-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin u għall-Commonwealth, ir-Renju Unit) ma baqgħux jikkonkludu kuntratti ġodda mal-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata. Fuq il-bażi tal-elementi li jinsabu fl-imsemmija dokumenti, u minħabba investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Brittaniċi, din il-kumpannija ma baqgħet tingħata l-ebda kuntratt ġdid mill-awtoritajiet Brittaniċi fl‑2017.
45 Ir-rikorrenti ssostni li mid-dokumenti msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata mliet il-formola ta’ dikjarazzjoni fuq l-unur dwar il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni, inkluża fil-fajl tas-sejħa għal offerti u prevista fil-punt 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti, hija ma għamlitx riferiment għall-fatt li hija kienet akkużata mill-awtoritajiet Brittaniċi. Din l-ommissjoni tista’ tikkostitwixxi dikjarazzjoni falza, b’tali mod li l-Kummissjoni, billi aċċettat id-dikjarazzjoni fuq l-unur tagħha u billi ma eskludietx mis-suq lill-konsorzju li minnu kienet tagħmel parti din l-istess kumpannija, kisret il-punt 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti kif ukoll l-Artikolu 106 tar-Regolament Finanzjarju.
46 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.
47 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 106(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, l-“awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċeduri tal-akkwist irregolati minn dan ir-Regolament fejn [...] ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina serja billi jkun kiser il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li jappartjeni għaliha l-operatur ekonomiku, jew billi jkun involut fi kwalunkwe aġir illegali li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tiegħu fejn dan it-tip ta’ aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja”.
48 Fil-każ ineżami, ġie ammess mill-partijiet, matul is-seduta, li, fil-mument tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, ma kienet teżisti l-ebda sentenza finali jew l-ebda deċiżjoni amministrattiva finali, fis-sens tal-Artikolu 106(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, dwar il-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata.
49 Fit-tieni lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju jippreċiża li “[f]in-nuqqas ta’ sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-[punt] (c) [...] tal-paragrafu 1 [...], l-awtorità kontraenti għandha teskludi operatur ekonomiku abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta’ aġir imsemmi [fih], b’kont meħud tal-fatti stabbiliti jew sejbiet oħra li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108”.
50 F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju, intitolat “Is-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni”, huwa meħtieġ li jiġu mfakkra t-termini tal-Artikolu 105a, tal-istess regolament, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-identifikazzjoni tar-riskji u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi”.
51 L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 105a(1) tar-Regolament Finanzjarju, jipprovdi li “[s]abiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha toħloq u tħaddem sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u esklużjoni”. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 105a(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-għan ta’ din is-sistema huwa li jiffaċilita “(a) l-identifikazzjoni bikrija ta’ riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” u “(b) l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 106(1)”. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 105a(2) tar-Regolament Finanzjarju jippreċiża li “[...] fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 106(2), l-awtorità kontraenti għandha tressaq il-każ quddiem il-bord imsemmi fl-Artikolu 108 sabiex tiġi żgurata valutazzjoni ċentralizzata ta’ dawk is-sitwazzjonijiet” u li, “[f]’każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha bbażata fuq klassifikazzjoni preliminari fil-liġi, filwaqt li tqis rakkomandazzjoni tal-bord”.
52 Fir-rigward tar-riferiment lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju, mill-paragrafu 2(b) u (c) ta’ dik id-dispożizzjoni jirriżulta li, f’każ ta’ preżunzjoni ta’ mġiba professjonali ħażina serja, irregolarità, frodi, korruzzjoni jew ksur serju tal-kuntratt, l-identifikazzjoni bikrija tar-riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 105a(1)(a) tal-istess regolament, għandha tiġi bbażata fuq it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, uffiċċju Ewropew stabbilit mill-Kummissjoni jew aġenzija eżekuttiva, jew anki minn istituzzjoni, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni.
53 Mid-dispożizzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-assenza ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali dwar offerent, awtorità kontraenti għandha, meta jkollha indizji suffiċjenti biex tistabbilixxi preżunzjoni li l-imsemmi offerent ikun ħati, b’mod partikolari, ta’ mġiba professjonali ħażina serja, tadixxi lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju sabiex joħroġ rakkomandazzjoni li jkun fiha, jekk ikun il-każ, klassifikazzjoni ġuridika preliminari tal-fatti kontenzjużi.
54 F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mil-Kummissjoni matul is-seduta, ir-riferiment lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju, fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tal-istess regolament, ma jippreżumix l-eżistenza minn qabel ta’ sentenza jew deċiżjoni amministrattiva. Skont l-Artikolu 105a(2) tar-Regolament Finanzjarju, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tal-istess regolament, l-awtorità kontraenti tadixxi lil dan il-bord fl-assenza ta’ tali sentenza jew ta’ tali deċiżjoni, meta tistabbilixxi li irregolarità finanzjarja potenzjali, prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 106(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ toħloq “riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, fis-sens tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 105a(1) tal-imsemmi regolament. Dan huwa l-għan tas-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni. L-awtorità kontraenti madankollu għandha tevalwa, qabel ma tadixxi lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju, jekk ikunx hemm tali riskju u, jekk ikun il-każ, jekk jistax jhedded l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
55 Għalhekk, f’dan l-istadju għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, bħala awtorità kontraenti, kinitx marbuta, fiċ-ċirkustanzi proprji għal din il-kawża, tadixxi lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju, minħabba li hija setgħet tqis li kellha biżżejjed indizji li skonthom l-aġir tal-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata seta’ jikkostitwixxi mġiba professjonali ħażina serja li thedded l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bħalma tallega essenzjalment ir-rikorrenti.
56 F’dan ir-rigward, id-dokumenti meqjusa ammissibbli, li r-rikorrenti pproduċiet sabiex turi li l-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata kienet akkużata mill-awtoritajiet Brittaniċi “għal fatti ta’ abbuż mill-pożizzjoni u ta’ għoti dubjuż ta’ kuntratti pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huma dawk imsemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq, jiġifieri estratt mill-blogg tat-tim “Media” tad-DFID u żewġ tweġibiet ministerjali għal mistoqsijiet magħmula mill-membri tal-Parlament tar-Renju Unit.
57 Minn naħa, l-estratt mill-blogg tat-tim “Media” tad-DFID, bid-data tal‑4 ta’ Diċembru 2017, jirrakkonta li, f’Diċembru 2016, il-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata kienet is-suġġett ta’ allegazzjonijiet li skonthom hija kienet iffalsifikat offerti lill-IDC u għamlet użu minn dokumenti tad-DFID miksuba illegalment. Dan l-estratt jippreċiża li, sa minn dik id-data, il-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata rtirat b’mod volontarju mill-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi implimentati mid-DFID. Min-naħa l-oħra, it-tweġibiet ministerjali, bid-data tat‑13 ta’ Settembru u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, isemmu, rispettivament, li d-DFID ma baqax jagħti kuntratti pubbliċi lill-kumpannija li kienet ingħatat il-kuntratt ikkonċernata sa mix-xahar ta’ Marzu 2017 u li l-FCO ma kienx taha kuntratt pubbliku matul is-sena 2017.
58 Madankollu, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, dawn id-dokumenti jillimitaw ruħhom li jirrapportaw il-fatt li l-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata kienet is-suġġett ta’ “allegazzjonijiet”, li l-oriġini tagħhom ma hijiex speċifikata, dwar irregolaritajiet fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-Renju Unit, mingħajr iktar dettalji dwar iċ-ċirkustanzi li fihom seħħew dawn l-irregolaritajiet.
59 Għalhekk, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv tagħha ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-aġir tal-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata seta’ jikkostitwixxi mġiba professjonali ħażina serja li thedded l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi proprji ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tadixxi lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tar-Regolament Finanzjarju, b’tali mod li ma tista’ tiġi kkritikata bl-ebda ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju.
60 Fit-tielet lok, id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti lanqas ma juru li d-dikjarazzjoni fuq l-unur ippreżentata mill-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata kienet falza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-punt 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti kien jipprevedi li kull offerent kellu, minn naħa, jiffirma dikjarazzjoni fuq l-unur li tattesta l-fatt li huwa ma kienx jinsab f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 2.3.3 tal-Gwida prattika tal-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, jipproduċi l-provi li skonthom l-ebda wieħed mill-kriterji ta’ esklużjoni ma kien japplika fir-rigward tiegħu. Madankollu, mill-eżami tal-lista li tinsab fil-punt I(g)(ii) tal-formola tad-dikjarazzjoni fuq l-unur jirriżulta li l-kriterji ta’ esklużjoni li kien fiha kienu, essenzjalment, identiċi għal dawk li jinsabu fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju. Għaldaqstant, l-imsemmija lista u l-punt 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti għandhom jinqraw fid-dawl tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju.
61 Fir-rigward tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju, peress li r-raba’ subparagrafu tiegħu fih riferiment għall-ewwel subparagrafu tiegħu, dawn iż-żewġ subparagrafi għandhom jinqraw flimkien. F’dan ir-rigward, bħalma ġie rrilevat fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fil-każ ineżami, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju, tadixxi lill-bord imsemmi fl-Artikolu 108 tal-istess regolament. Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-aċċettazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dikjarazzjoni fuq l-unur iffirmata mill-kumpannija li ngħatat il-kuntratt ikkonċernata kienet tikkostitwixxi ksur tal-punt 4 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti, moqri fid-dawl tal-Artikolu 106(2) tar-Regolament Finanzjarju.
62 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
[omissis]
– Fuq it-tielet motiv
89 Ir-rikorrenti tafferma li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tinformaha li hija ma kinitx kisbet l-aħjar rabta bejn il-kwalità u l-prezz fir-rigward tal-Lott Nru 3 u li tibgħatilha l-marki mogħtija lill-offerenti magħżula fil-forma ta’ tabella. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma kienet tinkludi l-ebda spjegazzjoni dwar is-sistema ta’ kalkolu tal-marki li ngħatawlha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u kisret l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 161(1) tar-Regolament ta’ applikazzjoni.
90 Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.
91 Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita sew, li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li huwa bbażat fuqu l-imsemmi att, minn naħa b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra b’mod li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal‑25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il‑Kunsill, T‑183/00, EU:T:2003:36, punt 55; tal‑24 ta’ April 2013, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑32/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:213, punt 37, u tat‑28 ta’ Ġunju 2016, AF Steelcase vs EUIPO, T‑652/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:370, punt 43).
92 Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom f’li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116).
93 Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi konklużi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, lill-offerenti kollha li l-offerti tagħhom huma miċħuda, bir-raġunijiet għal tali ċaħda. Min-naħa l-oħra, skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 113(3), l-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull offerent li ma jissodisfa l-ebda kriterju ta’ esklużjoni u li jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni u li jagħmel talba bil-miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll bl-isem ta’ min ikun ingħata l-kuntratt. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 161(2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni jippreċiża li “[l]-awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 113(3) tar-Regolament Finanzjarju malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ fi żmien 15‑il jum mill-wasla ta’ talba bil-miktub”.
94 L-Artikolu 113(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 161(2) tar-Regolament ta’ applikazzjoni jipprevedu għalhekk, fil-konfront tal-offerenti li ma jkunux intgħażlu, motivazzjoni f’żewġ stadji. L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, fl-ewwel stadju, lill-offerenti kollha li ma jkunux intgħażlu li l-offerta tagħhom ġiet miċħuda u r-raġunijiet ta’ din iċ-ċaħda. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu fil-qosor bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-possibblità għall-offerent li ma jkunx intgħażel li jitlob motivazzjoni iktar preċiża. Fit-tieni stadju, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, jekk offerent li ma jkunx intgħażel li ma jissodisfa l-ebda kriterju ta’ esklużjoni u jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni jagħmel talba bil-miktub, l-awtorità kontraenti għandha tinnotifika, malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ f’terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata mill-wasla ta’ din it-talba, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun ingħata l-kuntratt (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑752/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:233, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
95 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tintalab tibgħat lil offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra r-raġunijiet taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sunt iddettaljat ta’ kif ittieħed inkunsiderazzjoni kull dettall tal-offerta tiegħu fl-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, analiżi komparattiva ddettaljata ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal-offerent li ma jkunx intgħażel (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex marbuta tipprovdi lil offerent li ma jkunx intgħażel, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
96 Għandu jiġi enfasizzat fl-aħħar nett li, fil-prinċipju, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li jkollha r-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2013, European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑165/12, EU:T:2013:646, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
97 Fil-każ ineżami, fil-mument tal-introduzzjoni tar-rikors tagħha, fil‑5 ta’ April 2018, ir-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha d-deċiżjoni kkontestata biss, bid-data tas‑26 ta’ Marzu 2018, bħala dokument li joriġina mill-awtorità kontraenti u li jinkludi informazzjoni dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha u l-għoti tal-kuntratt lil offerenti oħrajn, kif ukoll l-isem ta’ dawn l-offerenti.
98 Għaldaqstant, huwa veru li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 96 iktar ’il fuq, huwa fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni biss li, fil-prinċipju, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
99 Madankollu huwa daqstant veru li l-leġiżlatur ippreveda li, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti dwar ċaħda ta’ offerta u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor, tali motivazzjoni setgħet issir f’żewġ stadji, qabel kollox b’espożizzjoni sommarja tar-raġunijiet taċ-ċaħda tal-offerta, u sussegwentement, f’terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata wara t-talba espliċita tal-offerent li ma jkunx intgħażel, b’deskrizzjoni tal-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun ingħata l-kuntratt (ara l-punt 94 iktar ’il fuq).
100 Fil-każ ineżami, permezz tal-ittra tagħha tas‑27 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tikkomunikalha b’mod partikolari l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerti tal-għaxar entitajiet li ngħataw kuntratt. Il-Kummissjoni wieġbet għat-talba tar-rikorrenti matul din l-istanza, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2018.
101 Madankollu, minn naħa, huwa importanti li jiġi osservat li r-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors fil‑5 ta’ April 2018, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata previst għall-Kummissjoni biex twieġeb għall-ittra tas‑27 ta’ Marzu 2018.
102 Min-naħa l-oħra, hija r-rikorrenti nnifisha li, fis‑26 ta’ April 2018, ipproduċiet l-ittra tat‑13 ta’ April 2018 fil-kuntest ta’ din il-proċedura, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fl-istess ħin li pproduċiet din il-proposta ta’ prova, ir-rikorrenti ħadet pożizzjoni dwar l-ittra tat‑13 ta’ April 2018 billi ppreżentat nota addizzjonali għar-rikors tagħha li fiha hija żviluppat ċerti punti mqajma fir-rikors tagħha fir-rigward tal-imsemmija ittra, kif ukoll motiv ġdid fuq il-bażi tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura. L-ammissibbiltà ta’ din in-nota addizzjonali u ta’ dan il-motiv ġdid ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni. Huwa għalhekk li dawn il-provi tqiesu bħala ammissibbli permezz ta’ din is-sentenza.
103 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, bid-data tas‑26 ta’ Marzu 2018, kif ikkompletata mill-ittra tat‑13 ta’ April 2018, li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
104 F’dan ir-rigward, qabel kollox, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha relatata mal-Lott Nru 3 ma kinitx ġiet ikklassifikata fost l-aħjar għaxra, b’kunsiderazzjoni tar-rabta tagħha bejn il-kwalità u l-prezz. Id-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi, barra minn hekk, tabella komparattiva li fiha kien hemm il-marki mogħtija lir-rikorrenti, dawk mogħtija lill-ewwel offerent magħżul u dawk mogħtija lill-aħħar offerent magħżul. Din it-tabella kienet tinkludi b’mod partikolari l-marki mogħtija għas-sitt punti li jinsabu taħt it-taqsima “Organizzazzjoni globali u metodoloġija”, il-marka teknika globali, il-ponderazzjoni tal-marki tekniċi u finanzjarji kif ukoll il-marka globali.
105 Tali informazzjoni kienet diġà tippermetti lir-rikorrenti tikkonstata li l-offerta tagħha kienet ġiet ikklassifikata fil-ħdax‑il post fir-rigward tal-marka finanzjarja, iżda li dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-marka teknika. Ir-rikorrenti setgħet tiddeduċi minn dan li l-ogħla ammont tal-offerta tagħha, meta mqabbel mal-offerti tal-offerenti l-oħrajn, kellu rwol determinanti fiċ-ċaħda tagħha. Barra minn hekk, bil-komunikazzjoni tal-marki dwar kull wieħed mill-punti tal-evalwazzjoni teknika, ir-rikorrenti setgħet, minkejja li b’mod astratt, tifhem liema kienu l-elementi tal-offerta tagħha li kienu tqiesu bħala l-iktar dgħajfa mill-awtorità kontraenti.
106 Sussegwentement, permezz tal-ittra tagħha tat‑13 ta’ April 2018, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, fl-ewwel lok, tabella li tinkludi l-marki miksuba minnha stess u minn kull wieħed mill-għaxar entitajiet li ngħataw kuntratt dwar is-sitt punti tal-evalwazzjoni teknika. Mal-qari ta’ din it-tabella, ir-rikorrenti setgħet tinnota li, fuq il-pjan tekniku, l-offerta tagħha ġiet ikklassifikata fil-ħdax‑il post fir-rigward tal-ewwel punt “Organizzazzjoni u metodoloġija”, li kien l-iktar punt importanti peress li kien ipponderat bi 35 punt minn 100, u fit-tmien post fir-rigward tat-tieni punt “Tim ta’ tmexxija: profili proposti”, li kien it-tieni l-iktar punt importanti peress li kien ipponderat b’25 punt minn 100.
107 Fit-tieni lok, din it-tabella relatata mal-evalwazzjoni teknika tal-offerti kienet ikkompletata minn taqsima ta’ kummenti, li fiha ngħatat fil-qosor il-pożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar kull offerta.
108 B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti, il-kumment tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kien dan li ġej:
“Metodoloġija globali tajba tal-ġestjoni – membri tat-tim u membri tal-konsorzju bl-esperjenza [fil-kuntratti qafas] – preżentazzjoni teoretika tal-metodoloġija tal-kontroll tal-kwalità – integrazzjoni ta’ esperti lokali – preżenza fil-pajjiżi kollha u r-reġjuni kollha[, iżda] informazzjoni insuffiċjenti sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà tal-esperti – għarfien limitat tas-settur fit-tim ta’ tmexxija – rwol, komplementarjetà u valur miżjud tal-membri tal-konsorzju mhux iddefiniti b’mod ċar”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].
109 Għalhekk, il-kumment tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, moqri flimkien mad-dettalji tal-marki mogħtija lir-rikorrenti u ta’ dawk miksuba minn kull wieħed minn dawk li ngħataw kuntratt għal kull wieħed mill-punti tal-evalwazzjoni teknika, jippermetti li jiġu mifhuma r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li l-offerta tar-rikorrenti kienet inqas sodisfaċenti minn dawk magħżula. Fil-fatt, fin-nota addizzjonali tagħha tas‑26 ta’ April 2018, ir-rikorrenti tindika hija stess li r-rimarki “informazzjoni insuffiċjenti sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà tal-esperti” u “għarfien limitat tas-settur fit-tim ta’ tmexxija” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali] “kienu jikkorrispondu”, fil-fehma tagħha, rispettivament, għall-punti “Organizzazzjoni u metodoloġija” u “Tim ta’ tmexxija: profili proposti”.
110 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawk li ngħataw kuntratt ma kien is-suġġett tal-istess kritika bħal dik ifformulata mill-kumitat ta’ evalwazzjoni fil-konfront tal-offerta tar-rikorrenti.
111 L-ewwel nett, bħalma tirrileva r-rikorrenti, ċertament, mill-kummenti li jirriflettu l-pożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar seta’ jikkritika lil ċerti offerenti għad-“dettalji insuffiċjenti dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni f’każ ta’ indisponibbiltà tal-esperti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jew anki l-“informazzjoni limitata dwar l-għarfien intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, din il-kritika ma tirrigwardax il-karattru insuffiċjenti tal-informazzjoni relatata mad-disponibbiltà tal-esperti fil-veru sens tal-kelma. It-tieni nett, fir-rigward tal-kritika “għarfien limitat tas-settur fit-tim ta’ tmexxija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ifformulata fil-konfront tal-offerta tar-rikorrenti, din tal-aħħar tirrileva hija stess, fir-rikors tagħha, li “ma saret l-ebda rimarka għall-offerenti l-oħra dwar dan il-punt fir-rigward tal-għarfien tat-tim ta’ tmexxija”.
112 Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-fatt li l-offerenti l-oħra kienu wkoll is-suġġett ta’ kummenti li jirrimarkaw il-punti negattivi fl-offerti tagħhom ma huwiex ta’ natura li jagħmel inkoerenti l-motivazzjoni li tinsab fl-ittra tat‑13 ta’ April 2018.
113 Ir-rikorrenti għalhekk setgħet tifhem, mal-qari tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ittra tat‑13 ta’ April 2018, ir-raġunijiet li fuqhom kienet tibbaża l-klassifikazzjoni tal-offerti fuq il-pjan tekniku. F’dan ir-rigward, bħalma ġie mfakkar fil-punt 95 iktar ’il fuq, l-awtorità kontraenti ma tistax tintalab tibgħat lil offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra r-raġunijiet taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sunt iddettaljat ta’ kif ittieħed inkunsiderazzjoni kull dettall tal-offerta tiegħu fl-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, analiżi komparattiva ddettaljata ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tiegħu.
114 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerti, l-ittra tat‑13 ta’ April 2018 kienet tinkludi tabella li tindika l-marka finanzjarja globali, il-marka teknika globali u l-marka finali tar-rikorrenti u ta’ kull waħda mill-għaxar entitajiet li ngħataw kuntratt. Skont din it-tabella, dak li ngħata kuntratt li kklassifika fl-ewwel post fir-rigward tal-evalwazzjoni finanzjarja tal-offerta ma rċeviex total ta’ 100 punt, iżda ta’ 99.36 punt.
115 F’dan ir-rigward, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, bl-applikazzjoni tal-punt 15.3 tal-Istruzzjonijiet lill-Offerenti, il-punteġġ finanzjarju totali ġie kkalkolat bl-għadd flimkien tal-erba’ punteġġi pponderati relatati ma’ kull kategorija ta’ esperti, imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq. Dawn l-erba’ punteġġi pponderati ġew stabbiliti billi ġew diviżi l-prezzijiet l-inqas għolja bil-prezzijiet tal-offerta kkunsidrata u bil-multiplikazzjoni tat-total b’100. Għalhekk, bl-applikazzjoni ta’ din il-formola, offerent li jkun ippreżenta l-irħas offerta globali mingħajr ma jkun ippreżenta l-irħas offerta għal kull waħda mill-kategoriji ta’ esperti ma setax jingħata marka globali ta’ 100 punt minn 100.
116 Ir-rikorrenti għalhekk setgħet tippreżumi li dan kien il-każ fil-każ ineżami fejn, bħalma indikat il-Kummissjoni, dak li ngħata kuntratt li kklassifika fl-ewwel post fir-rigward tal-marka finanzjarja offra l-inqas prezzijiet għolja għall-kategoriji ta’ espert I u III kif ukoll għall-assistent amministrattiv, iżda offra t-tieni l-inqas prezzijiet għolja fir-rigward tal-kategorija ta’ espert II. Għaldaqstant, peress li l-offerta ta’ dan li ngħata kuntratt ma kinitx l-irħas waħda għal kull waħda minn dawn l-erba’ kategoriji, ma setax jikseb punteġġ finali totali ta’ 100 punt minn 100.
117 Peress li l-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv tagħha ma huwa fondat, dan għandu jiġi miċħud.
[omissis]
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Transtec hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.
Gervasoni
Madise
da Silva Passos
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Mejju 2019.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
1 Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.