Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
20 ta’ Settembru 2019 (*)
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Idealogistic Compass Greatest care in getting it there – Trade mark figurattiva internazzjonali preċedenti IDÉA – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”
Fil-Kawża T-716/18,
The Logistical Approach BV, stabbilita f’Uden (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Milchior u S. Charbonnel, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn V. Ruzek, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Idea Groupe, stabbilit f’Montoir de Bretagne (Franza), irrappreżentat minn P. Langlais u C. Guyot, avukati,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-21 ta’ Settembru 2018 (Każ R 2062/2017-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Idea Groupe u The Logistical Approach,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, I. Labucka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,
Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2018,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2019,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2019,
wara li rat il-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,
wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza (1)
[omissis]
Id-dritt
13 Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Din tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell relatati mal-pubbliku rilevanti, mal-paragun tas-servizzi, mal-paragun tas-sinjali u mal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.
[omissis]
Fuq il-pubbliku rilevanti
18 Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 F’dan il-każ, u sa fejn it-trade mark preċedenti hija reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Unjoni, il-Bord tal-Appell ikkonċentra l-analiżi tiegħu tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku tal-Unjoni li jitkellem bl-Ingliż. Huwa kkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien kompost kemm minn “konsumaturi medji” kif ukoll minn speċjalisti professjonali u li l-pubbliku ġenerali kien ġeneralment juri livell ta’ attenzjoni medju filwaqt li l-pubbliku professjonali seta’ juri livell għoli ta’ attenzjoni.
20 Ir-rikorrenti tikkritika li l-Bord tal-Appell qies li l-pubbliku rilevanti kien “imħallat”, kompost kemm mill-pubbliku ġenerali kif ukoll minn professjonisti, u li ma ddefinixxiex il-pubbliku rilevanti għal kull wieħed mis-servizzi, billi llimita ruħu li jagħti xi eżempji. B’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, din issostni li s-servizzi “trasbord ta’ merkanzija fuq palletts, inkluż permezz ta’ servizzi ta’ trasport differenti; servizzi ta’ ġbir għall-merkanzija fuq pallets u mhux fuq pallets, jew fil-kuntest ta’ servizzi ddedikati, jew fil-kuntest ta’ servizzi globalizzati; servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija ta’ daqs speċjali u mhux bl-ingrossa (pereżempju magna jew tagħmir)” huwa intiżi esklużivament għall-pubbliku professjonali, filwaqt li s-servizzi “trasport taħt sigurtà, servizz ta’ kunsinna espressa għal destinazzjonijiet speċifiċi, organizzazzjoni ta’ trasport għar-ritorn ta’ merkanzija u pariri fil-qasam tal-loġistika fil-qasam tat-trasport” jikkonċernaw kemm lill-pubbliku ġenerali kif ukoll lill-professjonisti.
21 Fir-rigward tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti, is-servizzi “ħatt ta’ merkanzija minn vaguni, ajruplani, bastimenti u trakkijiet; irmonk; kiri ta’ vetturi; ħażna ta’ mezzi ta’ ħażna ta’ data jew ta’ dokumenti maħżuna elettronikament; loġistika industrijali u portwali, pilotaġġ ta’ flussi, manutenzjoni u kummissjoni ta’ trasport għall-merkanzija; nolleġġ ta’ vetturi, bastimenti u ajruplani; provvista tal-linji ta’ assemblaġġ u manutenzjoni ta’ elementi aeronawtiċi” huma intiżi biss għall-pubbliku professjonali, filwaqt li s-servizzi “trasport; imballaġġ, ħażna u ħażna ta’ oġġetti, informazzjoni fil-qasam tat-trasport u fil-qasam tal-ippakkjar u ħażna ta’ merkanzija, servizzi ta’ spedizzjoni tal-merkanzija; it-trasport bit-triq u bil-ferroviji ta’ merkanzija; rmonk, kiri ta’ vetturi” jikkonċernaw kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.
22 L-EUIPO jsostni li l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv sa fejn il-Bord tal-Appell kien ikkunsidra l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni kemm għas-servizzi intiżi għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għas-servizzi intiżi għall-pubbliku professjonali li għandu livell għoli ta’ attenzjoni. Dan l-approċċ huwa sostnut ukoll mill-intervenjenti.
23 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti jista’ jvarja skont il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Dan il-livell ta’ attenzjoni jinfluwenza b’mod partikolari l-perċezzjoni tas-sinjali.
25 Minn dan jirriżulta li d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu għal kull servizz jew għal kull kategorija ta’ servizzi għandha importanza sinjifikattiva fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
26 Issa, kif issostni r-rikorrenti, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-servizzi inkwistjoni kienu indirizzati lill-pubbliku ġenerali u lill-ispeċjalisti, billi llimita ruħu li jagħti eżempji ta’ servizzi intiżi għall-pubbliku ġenerali, jiġifieri s-“servizzi ta’ kunsinna espressa għal destinazzjonijiet speċifiċi” jew l-“organizzazzjoni ta’ trasport għar-ritorn tal-merkanzija”. B’dan il-mod, huwa ddefinixxa l-pubbliku rilevanti għas-servizzi inkwistjoni b’mod globali. Madankollu, dan ma identifikax liema kienu s-servizzi li kienu indirizzati biss lill-professjonisti li juru livell għoli ta’ attenzjoni u liema servizzi kienu intiżi kemm għall-professjonisti kif ukoll għall-pubbliku ġenerali, fejn dan tal-aħħar juri livell ta’ attenzjoni medju.
27 Ċertament, sa fejn, kif isostni l-EUIPO, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti l-probabbiltà ta’ konfużjoni kemm għas-servizzi indirizzati lill-professjonisti u lill-pubbliku ġenerali kif ukoll għal dawk indirizzati biss lill-professjonisti, kien possibbli, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li l-konsumatur medju ma jiġix identifikat għal kull servizz inkwistjoni.
28 Madankollu, dan l-approċċ ikun kompatibbli mal-prinċipji li jirriżultaw b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 18 u 23 iktar ’il fuq biss fl-ipoteżi fejn il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti kemm għas-servizzi li huma indirizzati lill-pubbliku kompost kemm mill-pubbliku ġenerali, li juri livell ta’ attenzjoni medju, kif ukoll mill-pubbliku professjonali, li juri livell għoli ta’ attenzjoni, u fir-rigward tas-servizzi li huma indirizzati biss lill-pubbliku professjonali, ma tkunx żbaljata.
29 Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq tkun żbaljata, sa fejn il-probabbiltà ta’ konfużjoni tkun teżisti biss fir-rigward ta’ waħda mill-kategoriji tal-pubbliku kkonċernati, dan l-ilment tar-rikorrenti jkollu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata jkollha tiġi annullata fuq din il-bażi. Għaldaqstant, ir-rilevanza ta’ dan l-ilment tiddependi fuq il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell espressa fil-punti 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.
Fuq il-paragun tas-servizzi
30 F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 25 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi inkwistjoni kienu identiċi. Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. Madankollu, f’dan l-istadju, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, hemm lok li wieħed jitlaq mill-ipoteżi li s-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma identiċi. Huwa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li għandu jiġi vverifikat jekk, billi telaq minn din il-premessa, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju hijiex valida (ara l-punti 65 sa 70 iktar ’il quddiem).
[omissis]
Fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni
[omissis]
63 F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrileva li s-servizzi inkwistjoni kienu identiċi u li s-sinjali inkwistjoni, anki jekk kellhom xi differenzi, kellhom livell baxx ta’ xebh fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, minħabba l-element “idea”, li huwa komuni għalihom. Dan ikkonkluda li f’dan il-każ kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, u dan kemm għas-servizzi indirizzati lill-pubbliku ġenerali kif ukoll għal dawk indirizzati lill-pubbliku professjonali, sa fejn dan tal-aħħar, l-istess bħall-pubbliku ġenerali, kellu biss rarament il-possibbiltà li jwettaq paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda kellu jafda fl-immaġni imperfetta tagħhom li huwa kien iżomm fil-memorja.
64 Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, il-Bord tal-Appell qies, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li kien normali, mingħajr ma eżamina l-argumenti tal-intervenjenti dwar il-karattru distintiv ikbar miksub wara użu intensiv fis-suq. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell qies li karattru distintiv medju kien suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ.
65 F’dan il-każ, is-sinjali inkwistjoni għandhom livell ta’ xebh dgħajjef fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali (ara l-punti 49, 56 u 61 iktar ’il fuq). Fost il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni hemm b’mod partikolari l-livell ta’ attenzjoni li l-pubbliku rilevanti juri fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li parti mis-servizzi kienu indirizzati biss lill-pubbliku professjonali li l-livell ta’ attenzjoni tiegħu huwa għoli u li jieħu ż-żmien biex jistudja t-trade marks kunfliġġenti.
66 Anki jekk jitqies li s-servizzi inkwistjoni huma identiċi, kif kien ikkunsidra l-Bord tal-Appell (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), u jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv normali tat-trade mark preċedenti (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell kellu jeskludi l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, tal-inqas fir-rigward tas-servizzi li huma indirizzati biss lill-pubbliku professjonali, li juri livell għoli ta’ attenzjoni. Fil-fatt, minħabba l-livell ta’ attenzjoni għoli fl-għażla tas-servizzi inkwistjoni u fid-dawl tal-livell dgħajjef ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba li l-istrutturi tagħhom huma differenti, liema ħaġa ma taħrabx lil pubbliku partikolarment attent u avżat, ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi.
67 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-professjonisti jkollhom biss rarament il-possibbiltà li jwettqu paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda għandhom jafdaw fl-immaġni imperfetta li jżommu fil-memorja tagħhom, ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-immaġni tat-trade marks inkwistjoni hija ddeterminata, f’dan il-każ, fil-parti l-kbira mill-element komuni tagħhom “idea”.
68 Fil-fatt, għalkemm l-element “idea” huwa inkluż f’wieħed mill-elementi dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u huwa l-element distintiv tat-trade mark preċedenti, dan ma huwiex ser jitqies mill-professjonisti bħala l-uniku element li jippermetti li jiġu identifikati t-trade marks inkwistjoni.
69 Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi milqugħ f’dak li jikkonċerna s-servizzi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li huma indirizzati esklużivament lill-pubbliku professjonali.
70 Madankollu, sa fejn, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma identifikax b’mod eżawrjenti liema servizzi kienu indirizzati biss lill-professjonisti li juri livell għoli ta’ attenzjoni u liema servizzi kienu indirizzati kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-pubbliku ġenerali li juri livell medju ta’ attenzjoni (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), dan il-motiv għandu jintlaqa’ kollu kemm hu u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi.
[omissis]
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-21 ta’ Settembru 2018 (Każ R 2062/2017‑4) hija annullata.
2) L-EUIPO u Idea Groupe għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll, kull wieħed, nofs l-ispejjeż esposti minn The Logistical Approach BV.
Gratsias
Labucka
Ulloa Rubio
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Settembru 2019.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
1 Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.
Full & Egal Universal Law Academy