19.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 104/43
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2018 – Eesti Apteekide Ühendus vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-10/18)
(2018/C 104/56)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Eesti Apteekide Ühendus MTÜ (Laagri, l-Estonja) (rappreżentanti: K. Paas-Mohando, u I. Kangur, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42028 (2017/NN) adottata fit-23 ta’ Ottubru 2017 (1);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Eesti Apteekide Ühendus [l-Assoċjazzjoni tal-Ispiżeriji fl-Estonja] għandha locus standi biex tippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42028 (2017/NN).
—
B’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-313/90 (2), deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet adottati wara proċedura preliminari huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju;
—
L-Eesti Apteekide Ühendus [l-Assoċjazzjoni tal-Ispiżeriji fl-Estonja] għandha locus standi biex tippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.42028 (2017/NN) quddiem il-Qorti Ġenerali bħala parti interessata skont l-Artikolu 108(2) TFUE u skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 (3).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE abbażi tat-test ta’ diffikultajiet serji. Il-fatt li l-Kummissjoni kellha diffikultajiet serji biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant il-fatt li kien hemm ksur tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE jirriżultaw minn dan li ġej:
—
Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma hemm l-ebda vantaġġ minn riżorsi tal-Istat, minħabba li l-Kummissjoni injorat il-fatt li l-Finlandja abbużat mid-diskrezzjoni regolatorja tagħha, fatt li wassal, min-naħa tiegħu, għal rinunzja għal riżorsi tal-Istat;
—
Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma hemm l-ebda vantaġġ selettiv, minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tikkwalifika b’mod xieraq il-“kompiti speċjali” bħala SGEI;
—
Il-Kummissjoni naqset milli tiġbor informazzjoni materjali fil-kuntest tal-proċedura preliminari;
—
Il-proċedura preliminari kienet irraġonevolment twila (madwar tletin xahar);
—
Il-Kummissjoni użat id-definizzjoni legali ġdida “kompiti speċjali”;
—
Il-Finlandja emendat l-Att dwar l-Universitajiet tagħha matul il-proċeduri preliminari, att li abbażi tiegħu il-Finlandja kienet tħallas lura t-taxxa fuq il-kumpanniji u l-miżata tal-ispiżeriji mħallsa minn Yliopiston Apteekki Oy lill-Università ta’ Helsinki, u li kien il-leġiżlazzjoni ċentrali għal waħda mill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li fir-rigward tagħhom sar rapport.
(1) ĠU 2017, C 422, p. 10.
(2) Sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, Comité International de la Rayonne et des Fibres Synthétiques et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, EU:C:1993:111.
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2015, L 248, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy