26.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/35
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2018 – Franza vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-26/18)
(2018/C 112/45)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: F. Alabrune, D. Colas, A.-L. Desjonquères u S. Horrenberger, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2017)7263 finali tat-8 ta’ Novembru 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR), innotifikata lill-Gvern Franċiż fid-9 ta’ Novembru 2017, inkwantu:
—
tinkludi korrezzjoni ta’ EUR 2 246 700 minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet topografiċi fil-kuntest tal-KAAT allegatament mhux konformi, f’dak li jikkonċerna id-“Defiċjenzi fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli (LPIS)” għas-snin tat-talba 2013 u 2014;
—
tinkludi korrezzjoni f’somma f’daqqa dwar l-artijiet kollha li jinkludu tal-inqas żona kkwalifikata bħala “landes et parcours” u mhux biss fuq iż-żoni kkwalifikati bħala “żoni ineliġibbli (‘landes et parcours’)” għas-snin tat-talba 2013 u 2014;
—
f’dak li jikkonċerna l-“[Iż]ball l-Aktar Probabbli FAEŻR SIAK – 2014-2020” fil-kuntest tal-investigazzjoni CEB/2016/047, u
—
tapplika korrezzjoni f’somma f’daqqa ta’ 100 % għad-dipartimenti ta’ Haute-Corse għas-snin tat-talba 2013-2014, f’dak li jikkonċerna is-“Sistema ta’ kontroll defiċjenti ħafna, Korsika”;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) u l-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa.
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet tali ksur billi kkunsidrat, minn naħa, li elementi bħall-spuntar ta’ blat, għadajjar jew boskijiet żgħar, previsti mil-leġiżlazzjoni Franċiża ma humiex kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin (KAAT) u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet jimponu l-protezzjoni individwali ta’ kull element tal-pajsaġġ u, konsegwentement, li dawn l-elementi ma setgħux jiġu inklużi fis-superfiċi totali tal-artijiet agrikoli.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkunsidra li, għalkemm il-kawża tikkonċerna biss iż-żoni kkwalifikati bħala “landes et parcours”, il-Kummissjoni adottat korrezzjoni bbażata fuq l-artijiet tal-fajl kollha billi inkludiet tali żoni, inkluż għalhekk fuq il-parti minn dawn l-artijiet li ma humiex tali żoni, u fi kwalunkwe każ injorat iċ-ċifri mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data li kkunsidrat bi ksur tal-Artikolu 6(1) u tal-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009 iċċitat iktar 'il fuq, sabiex tagħmel korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 13 127 243,30 f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-FEAŻR (ir-“RŻR 3”).
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jikkonċerna s-“Sistema ta’ kontroll defiċjenti ħafna, Korsika” għas-snin tat-talba 2013 u 2014 fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tapplika korrezzjoni f’somma f’daqqa ta’ 100 % għad-dipartiment ta’ Haute-Corse.
Full & Egal Universal Law Academy