26.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/36
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2018 – Izuzquiza u Semsrott vs Frontex
(Kawża T-31/18)
(2018/C 112/47)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Luisa Izuzquiza (Madrid, Spanja) u Arne Semsrott (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Hilbrans u R. Callsen, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Frontex tal-10 ta’ Novembru 2017 (referenza: CGO/LAU/18911c/2017) li tirrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għall-isem, għall-bandiera u għat-tip ta’ kull bastiment stazzjonat mill-Frontex fil-Mediterran Ċentrali taħt l-Operazzjoni Konġunta Triton fil-perijodu ta’ mill-1 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Awwissu 2017, it-tnejn inklużi;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż ta’ kull intervenjent, anki jekk ir-rikors jiġi miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Frontex kisret ir-Regolament Nru 1049/2001 (1) billi naqset milli twettaq eżami individwali ta’ kull dokument mitlub sabiex tevalwa jekk l-eċċezzjoni invokata kinitx applikabbli.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Frontex kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, għaliex parti deċiżiva tar-raġunijiet mogħtija sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni hija żbaljata fil-fatt: bastimenti stazzjonati għall-operazzjoni ma jistgħux jiġu intraċċati permezz ta’ mezzi aċċessibbli għall-pubbliku.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Frontex kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, għaliex ir-raġunijiet mogħtija sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ma jqisux il-fatt li r-rikorrenti talbu biss informazzjoni dwar bastimenti li kienu ġew stazzjonati fil-passat.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Frontex kisret l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, għaliex il-konvenuta ma qisitx – u ma weġbitx għal dan l-argument imressaq mir-rikorrenti – li parti mill-informazzjoni mitluba kienet diġà ġiet ippubblikata fuq Twitter fir-rigward ta’ xi wħud mill-bastimenti stazzjonati taħt l-Operazzjoni Konġunta Triton fl-2017 u informazzjoni paragunabbli fir-rigward ta’ bastimenti stazzjonati taħt l-Operazzjoni Konġunta Triton fl-2016 kienet diġà ġiet ippubblikata.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Frontex kisret l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament għaliex anki jekk ir-riskju – li fil-fatt ma jeżistix – li netwerks kriminali jevitaw is-sorveljanza mal-fruntiera jkun preżunt veru, dan jista’ possibbilment biss jiġġustifika r-rifjut ta’ informazzjoni dwar l-isem tal-bastimenti stazzjonati iżda mhux dwar it-tip tagħhom u dwar il-bandiera tagħhom.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Frontex kisret l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament billi ma kkunsidratx li tagħti aċċess parzjali għall-informazzjoni mitluba, anki jekk l-informazzjoni dwar xi wħud mill-bastimenti kienet diġà ġiet ippubblikata.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy