12.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 94/35
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2018 – Comune di Milano vs Il-Kunsill
(Kawża T-46/18)
(2018/C 094/46)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Comune di Milano (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone u M. Condinanzi, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla skont l-Artikolu 263 TFUE d-deċiżjoni tal-Kunsill adottata fil-marġni tat-3579 laqgħa tal-Kunsill fil-formazzjoni Affarijiet Ġenerali tal-20 ta’ Novembru 2017 u li tirrigwarda l-għażla tas-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (iktar ’il quddiem l-“EMA”), ippubblikata permezz ta’ stqarrija għall-istampa li ma tinkludix ir-rendikont [Outcome of the Council meeting (3579th Council meeting)], l-istqarrija għall-istampa nnifisha, Presse 65. provisional version fil-parti fejn ġie stabbilit li s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tiġi stabbilita f’Amsterdam;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
—
F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li l-għan imfittex mill-Kunsill permezz tal-proċedura ta’ għażla kien dak li tinstab l-aħjar offerta għall-allokazzjoni mill-ġdid tas-sede tal-EMA fid-dawl tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti minn qabel. Bil-kontra ta’ dan, l-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA permezz ta’ tlugħ bix-xorti u mingħajr ebda integrazzjoni tal-investigazzjoni hija f’kuntrast mal-għan, iddikjarat meta ġew stabbiliti r-regoli proċedurali, li tingħażel l-aħjar offerta permezz ta’ proċess deċiżjonali trasparenti, abbażi ta’ evalwazzjonijiet tekniċi u ta’ kriterji speċifiċi ddeterminati minn qabel, u ma tippermettix li jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ ekwivalenza taż-żewġ kandidaturi ta’ Milano u ta’ Amsterdam.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza.
—
F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-deċiżjoni kkontestata hija llegali sa fejn din hija l-eżitu ta’ proċess deċiżjonali li kien ikkaratterizzat minn: (i) l-assenza ta’ rekwiżiti formali u ta’ metodi intiżi li jiggarantixxu t-trasparenza neċessarja; (ii) in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xieraq tal-elementi rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni inkwistjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Novembru 2009, dwar l-adozzjoni tar-regolamenti interni tiegħu, kif ukoll tar-regoli proċedurali tal-31 ta’ Ottubru 2017.
—
F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li mill-metodi li kkaratterizzaw l-iżvolġiment tal-votazzjoni u l-eżitu tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017 jirriżultaw daqstant ieħor motivi ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2017 minħabba ksur tar-regoli speċifiċi li l-Kunsill kellu jirrispetta.
Full & Egal Universal Law Academy