26.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/42
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2018 – Pobelte vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-67/18)
(2018/C 112/54)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Probelte, SA (Murcia, Spanja) (rappreżentanti: C. Mereu u S. Saez Moreno, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2065 tat-13 ta’ Novembru 2017 li jikkonferma l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva 8-idrossikwinolina, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 540/2011 u li jimmodifika r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 fir-rigward tal-inklużjoni tas-sustanza attiva 8-idrossikwinolina fil-lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tagħha billi adottat id-deċiżjoni kkontestata li tiċħad it-talba tagħha sabiex jinbidlu l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza 8-idrossikwinolina u billi inkludiet din is-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni.
B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-motivi segwenti:
1.
Iċ-ċaħda tat-talba sabiex jinbidlu l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza 8-idrossikwinolina skont ir-Regolament (EU) Nru 540/2011 (2).
—
Drittijiet tad-difiża: il-konvenuta ma ssuġġettatx għal evalwazzjoni bejn il-pari d-data l-ġdida li r-rikorrenti kienet awtorizzata espliċitament tippreżenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bidla li tikkonċerna s-sustanza 8-idrossikwinolina skont ir-Regolament Nru 1107/2009 (3). B’hekk, il-konvenuta ċaħdet lir-rikorrenti mid-dritt tagħha li tesponi l-opinjoni tagħha b’mod korrett u effettiv. Bl-istess mod, il-konvenuta inkludiet is-sustanza 8-idrossikwinolina fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni mingħajr ma ħadet debitament inkunsiderazzjoni d-data l-ġdida tar-rikorrenti dwar il-provi kliniċi.
—
Aspettattivi leġittimi: il-konvenuta ma ssuġġettatx għal evalwazzjoni bejn il-pari d-data l-ġdida li r-rikorrenti kienet awtorizzata espliċitament tippreżenta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bidla li tikkonċerna s-sustanza 8-idrossikwinolina skont ir-Regolament Nru 1107/2009, minkejja li kienet informat lir-rikorrenti li dan kien ser ikun il-każ. B’hekk, il-konvenuta kisret l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li d-data l-ġdida tagħha kienet ser tiġi suġġetta għal evalwazzjoni bejn il-pari mill-Istati Membri kollha.
—
Żball manifest ta’ evalwazzjoni: kien ċar mill-perspettiva xjentifika li d-data kienet insuffiċjenti u li, għalhekk, id-data l-ġdida ppreżentata mir-rikorrenti kienet ser tgħin sabiex jimtlew il-lakuni ta’ klassifikazzjoni. Il-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali kollu relatat mas-sustanza 8-idrossikwinolina.
2.
L-emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 (4) għal dak li jirrigwarda l-inklużjoni tas-sustanza fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni.
—
Drittijiet tad-difiża / aspettattivi leġittimi / żball manifest ta’ evalwazzjoni: nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti relatati mal-inklużjoni fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, konformement mal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009: il-konvenuta ma wettqitx evalwazzjoni tal-espożizzjoni sabiex tistabbilixxi jekk l-eċċezzjoni prevista fil-punt 4 tal-Anness II tistax tapplika għas-sustanza inkwistjoni. B’hekk, hija kisret id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 1107/2009 kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-aspettattivi leġittimi tagħha. Il-konvenuta wettqet ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni.
(1) ĠU 2017, L 295, p. 40
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1).
(3) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).
(4) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU 2015, L 67, p. 18).
Full & Egal Universal Law Academy