30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/40
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2018 – L-Awstrija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-101/18)
(2018/C 152/50)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentant: G. Hesse)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) tas-6 ta’ Marzu 2017 dwar il-miżura/l-iskema ta’ għajnuna/l-għajnuna mill-Istat SA.38454 — 2015/C (ex 2015/N) li l-Ungerija qed tippjana li timplimenta biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ żewġ reatturi nukleari ġodda fl-impjant tal-enerġija nukleari Paks II (notifikata bid-dokument C(2017) 1486) ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Diċembru 2017, L 317, p. 45, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ tnedija ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt
—
Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni hija illegali minħabba l-ksur ta’ dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-għoti ta’ kuntratt li l-osservanza tagħhom hija inseparabbli mill-għan tal-għajnuna mill-Istat.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – nuqqas ta’ għan ta’ interess ġenerali
—
Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li kuntrarjament għal dak sostnut mill-konvenuta ma kienx hemm interess ġenerali skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE neċessarju għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – delimitazzjoni żbaljata tal-parti ekonomika u suppożizzjonijiet żbaljati ta’ fallimenti tas-suq fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE
—
Fit-tielet lok, il-konvenuta awtorizzat l-għajnuna mill-Istat b’mod żbaljat taħt l-Artikolu 107(3)(c) TFUE sa fejn hija aċċettat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ suq proprju tal-enerġija nukleari u – b’mod kompletament żbaljat ukoll – li f’dan is-suq hemm falliment tas-suq u tas-suq tal-kapitali.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq n-natura sproporzjonata tal-miżura
—
Fir-raba’ lok, id-deċiżjoni hija vvizzjata b’nullità minħabba li l-konvenuta naqset milli tagħmel eżami tal-proporzjonalità skont il-liġi fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE: b’mod konkret, l-effetti negattivi jiddominaw.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni li skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE huma inkompatibbli mas-suq intern
—
Fil-ħames lok, id-deċiżjoni inkwistjoni twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sproporzjonati u għalhekk inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u għal differenzi fit-trattament fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat fis-suq intern tal-elettriku.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ “proġett f’diffikultajiet”
—
Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tafferma li għajnuna mill-Istat għal “proġett f’diffikultajiet” fis-suq intern liberalizzat tal-elettriku ma kellhiex tiġi awtorizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq tisħiħ/ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq
—
Fis-seba’ lok, il-pożizzjoni dominanti tal-Istat Ungeriż – ekonomikament attiv – maħluqa mill-għajnuna mill-Istat teskludi l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mill-Istat mas-suq komuni skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq ir-riskju ta’ likwidità għas-suq bl-ingrossa
—
Fit-tmien lok, l-għajnuna mill-Istat ma kellhiex tiġi awtorizzata minħabba r-riskju inerenti ta’ tnaqqis tal-likwidità tas-suq.
9.
Id-disa’ motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni insuffiċjenti tal-għajnuna mill-Istat
—
Fid-disa’ lok, ir-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha fuq il-fatt li l-konvenuta ma ddetermintax suffiċjentement l-estent tal-għajnuna mill-Istat
10.
L-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296(2) TFUE
—
Fl-għaxar lok, il-konvenuta kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u dan b’mod gravi u repetut.
Full & Egal Universal Law Academy