30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/47
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2018 – adidas International Trading et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-130/18)
(2018/C 152/57)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: adidas International Trading BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u 27 rikorrent ieħor (rappreżentanti: E. Vermulst u J. Cornelis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam u li huma prodotti minn ċerti produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Vjetnam u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017 L 319, p. 30); u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza legali li tadotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 (1).
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura relatata maż-żraben, liema proċedura kienet diġà ntemmet, u l-impożizzjoni retroattiva, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2232, tad-dazju antidumping li kien skada:
—
huma nieqsa minn bażi legali, huma bbażati fuq żball manifest fl-applikazzjoni tal-Artikolu 266 TFUE u tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036 (2) u jiksru l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036;
—
huma inkompatibbli mal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività sa fejn huma kkonċernati r-rikorrenti; u
—
huma bbażati fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE u fuq abbuż tal-poter mill-Kummissjoni u jiksru l-Artikolu 5(4) TUE.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-impożizzjoni retroattiva tad-dazju antidumping fuq il-fornituri tar-rikorrenti, li tipprevjeni r-rimbors tar-rikorrenti, tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni abbużat mill-poter tagħha fl-evalwazzjoni tal-ekonomija tas-suq u tal-ipproċessar individwali tat-talbiet tal-fornituri tar-rikorrenti sabiex timponi dazju antidumping retroattiv u kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kumpanniji elenkati fl-Annessi III u VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 u li tordna ċ-ċaħda tat-talbiet għar-rimbors tad-dazju antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet minn dawn il-kumpanniji hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE u tikser l-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam u li huma prodotti minn ċerti produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Vjetnam u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017 L 319, p. 30)
(2) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016 L 176, p. 21)
Full & Egal Universal Law Academy