28.5.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 182/24
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Marzu 2018 – Szegedi vs Il-Parlament
(Kawża T-135/18)
(2018/C 182/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrent: Csanád Szegedi (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: Kristóf Bodó, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2017-1635 maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew;
—
tannulla d-deċiżjoni ta’ rkupru adottata mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew fit-30 ta’ Novembru 2017, f’ammont li jekwivali għal EUR 264 196,11.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, il-konklużjonijiet marbuta mar-rimbors tal-ispejjeż tal-vjaġġ u mal-assistenti parlamentari akkreditati jmorru kontra r-realtà oġġettiva. Ir-rikorrent talab biss ir-rimbors tal-ispejjeż tal-vjaġġ fil-każijiet li fihom huwa kellu dritt għalih skont id-dispożizzjonjiet tad-Deċiżjoni Nru 2009/C 159/01 tal-Uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew, li jistabbilixxu Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membrital-Parlament Ewropew.
L-assistenti parlamentari akkreditati li tagħmel riferiment għalihom id-deċiżjoni u li għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-Parlament Ewropew iwettqu kompiti ta’ appoġġ għax-xogħol tar-rikorrent bħala deputat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ deputat fi Brussell u fi Strasbourg.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.
Ir-rikorrent ma setax jikseb konjizzjoni tal-provi prodotti insostenn tal-fatti inklużi fid-deċiżjoni tal-Segretarju Ġenerali. Minkejja li r-rikorrent ressaq talba bil-miktub, is-Segretarju Ġenerali ma bagħtlux l-imsemmija provi, sabiex b’hekk ipprekludih milli jippreżenta fi kwalunkwe mument osservazzjoniijet fuq il-mertu. Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, li fuqha hija bbażata n-nota ta’ debitu, bħala att legali li jirrigwarda lir-rikorrent, ġiet adottata bi ksur tal-principji ta’ proċess ġust u imparzjali, ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali hija vvizzjata minn żball ta’ liġi inkonnessjoni mal-oneru tal-prova. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie ddikjarat fid-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali, l-argumenti esposti fil-punt 54 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottobru 2014, mogħtija fil-Kawża T-479/13, Marciani vs Il-Parlament, ma jistgħux jitqiesu bħala rilevanti għall-kawża odjerna, qabel xejn minħabba li fil-każ tad-deputat Marciani kellha tiġi applikata l-leġiżlazzjoni SID [leġiżlazzjoni dwar l-ispejjeż u l-kumpens tad-deputati], filwaqt li matul il-mandat tar-rikorrent bħala deputat kien diġà daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2009.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali għar-rimbors inkonnessjoni mar-remunerazzjoni tal-assistenti parlamentari akkreditati. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet:
l-ewwel parti tar-raba’ motiv tikkonċerna l-assenza ta’ rabta legali bejn ir-rikorrent u l-Parlament Ewropew. Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 160/2009, huwa l-Parlament Ewropew u mhux id-deputat, li għandu rabta legali mal-assistent parlamentari akkreditat, u l-Parlament Ewropew ma jirrimborsax l-ispejjeż, iżda jħallas remunerazzjoni. Fir-rigward tar-relazzjoni lavorattiva tal-assistenti parlamentari akkreditati, ir-rikorrent ma għandu l-ebda relazzjoni lavorattiva mal-Parlament Ewropew. Dan tal-aħħar ma ħallasx lir-rikorrent ir-remunerazzjoni korrispondenti tal-assistent parlamentari akkreditat. Fl-assenza ta’ rabta legali u ta’ bażi legali, ir-rikorrent ma jista’ jkollu l-ebda obbligu li jirrimborsa lill-Parlament Ewropew;
it-tieni parti tar-raba’ motiv hija bbażata fuq il-fatt li l-attività esterna għas-servizz tal-assistenti parlamentari akkreditati ma tagħti lok għal ebda dritt ta’ rimbors inkonnessjoni mar-remunerazzjoni mħallsa. L-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ma jeskludix l-attività esterna għas-servizz, iżda jirrikjedi biss il-kunsens korrispondenti tal-Awtorità tal-Ħatra. Għall-kuntrarju, meta ma tirrikjedix il-kunsens, il-leġiżlazzjoni ma tippevedi l-ebda sanzjoni fil-forma ta’ ħlas lura sħiħ tar-remunerazzjoni mħallsa.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-projbizzjoni tal-applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi obbligu. Il-punt 8 tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tagħmel riferiment għall-Artikolu 39a tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni fil-kuntest tal-bażi legali tad-dikjarazzjoni, minkejja l-fatt li d-Deċiżjoni Nru 2015/C 397/03 tal-Uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew, li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tad-Deputati tal-Parlament Ewropew, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2016, ma tistax tkun rilevanti fil-vertenza odjerna.
6.
Is-sitt motiv, sa fejn dan jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont, huwa bbażat fuq l-assenza ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-ammont mitlub ma huwiex iġġustifikat la fid-dettal u lanqas fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu u jippreżumi li l-assistent parlamentari qatt ma ħadem għar-rikorrent.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li twettqet evalwazzjoni tad-dokument li jikkonstata d-data tal-vjaġġ, anness mar-rimbors tal-ispejjeż tal-vjaġġ, li tiddevja mill-għan tagħha, u li minn tali dokument ġiet dedotta konklużjoni infondata.
Full & Egal Universal Law Academy