30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/50
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2018 – Deichmann-Shoes UK vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-141/18)
(2018/C 152/60)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Deichmann-Shoes UK Ltd (Leicestershire, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. De Knop, B. Natens, A. Willems u C. Zimmermann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 tal-4 ta’ Diċembru 2017, li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam u li huma prodotti minn ċerti produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Vjetnam u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017 L 319, p. 30); u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 (1), tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE u, fi kwalunkwe każ, tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali taħt l-Artikolu 13(2) TUE, inkwantu dan jipproċedi mingħajr bażi legali valida.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2232, tal-Artikolu 266 TFUE, inkwantu naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza fil-Kawżi magħquda C-659/13 u C-34/14 C&J Clark International.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2232, tal-Artikoli 1(1) u 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1036 (2), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (nuqqas ta’ retroattività), inkwantu impona dazju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ żraben “li saru matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 (3) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1294/2009 (4)”.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2232, tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/1036, inkwantu impona dazju antidumping mingħajr ma wettaq evalwazzjoni ġdida tal-interess tal-Unjoni; fi kwalunkwe każ, kien ikun manifestament żbaljat li jiġi konkluż li l-impożizzjoni tad-dazju antidumping kienet fl-interess tal-Unjoni.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur, min-naħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2232, tal-Artikolu 5(1) u (4) TUE, inkwantu adotta att li jmur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2232 tal-4 ta’ Diċembru 2017, li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Vjetnam u li huma prodotti minn ċerti produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-Vjetnam u li jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-659/13 u C-34/14 (ĠU 2017, L 319, p. 30).
(2) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006 tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU 2008, L 352M, p. 485).
(4) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 1294/2009 tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2009, L 352, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy