7.5.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/56
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2018 – Société générale vs BĊE
(Kawża T-143/18)
(2018/C 161/64)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Société générale (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville, M. Trabucchi u P. Kupka, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-BĊE Nru ECB/SSM/2017 – O2RNE8IBXP4R0TD8PU41/174 tad-19 ta’ Diċembru 2017 u l-Artikolu 3 tal-Anness A tagħha, sa fejn dawn jistabbilixxu miżuri li għandhom jiġu adottati fuq l-impenji ta’ ħlas irrevokabbli fir-rigward tas-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti jew il-fondi ta’ riżoluzzjoni;
—
tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
—
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-BĊE ma għandux kompetenza li jimponi rekwiżit prudenzjali ta’ portata ġenerali u ma wettaqx evalwazzjoni individwali u dettaljata tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti kif jeżiġu t-testi applikabbli.
—
It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi li allegatament jivvizzja lid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-BĊE interpreta b’mod żbaljat it-testi tal-liġi tal-Unjoni billi stabbilixxa l-possibbiltà lill-istabbilimenti ta’ kreditu li jirrikorru għall-impenji ta’ ħlas irrevokabbli u, għaldaqstant, ċaħad lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-effett utli tagħhom.
—
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija allegatament vvizjata minn żball manifest fl-evalwazzjoni tar-riskji li allegatament jirriżultaw mill-impenji ta’ ħlas irrevokabbli fir-rigward tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).
—
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-BĊE huwa suġġett għal obbligu ta’ motivazzjoni msaħħa u d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti.
Full & Egal Universal Law Academy