14.5.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 166/36
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2018 – APG Intercon et vs Il-Kunsill et
(Kawża T-147/18)
(2018/C 166/46)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: APG Intercon Ltd (Nicosia, iċ-Ċipru) u 147 rikorrenti oħra (rappreżentanti: A. Markides, K. Scordis, A. Gavrielides, C. Velaris, C. Velaris, avukati, A. Robertson QC u G. Rothschild, Barrister)
Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Eweropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Eurogroup
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tordna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrenti l-ammonti indikati fit-tabella mehmuża mar-rikors, miżjudin bl-interessi dekorsi sa mis-26 ta’ Marzu 2013 sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, bħala riżarċiment għad-danni subiti minħabba d-deċiżjonijet tal-Eurogroupe marbuta mar-riżoluzzjoni ta’ Cyprus Popular Bank Public Co. Ltd (Laïki Bank), ir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Cyprus Public Company Limited (Bank of Cyprus) u l-bejgħ tal-attivi u tas-sussidjarji fil-Greċja tal-imsemmija banek, u/jew minħabba l-provvista ta’ assistenza ta’ likwidità ta’ emerġenza lil Laïki Bank bil-kunsens tal-Bank Ċentrali Ewropew u t-trasferiment sussegwenti ta’ tali passiv lill-Bank Of Cyprus fuq l-istruzzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew;
jew, sussidjarjament,
—
tikkonstata li l-konvenuti sostnew responsabbiltà mhux kuntrattwali u tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit it-telf riparabbli effettivament subit mir-rikorrenti;
u, fi kwalunkwe każ,
—
tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni:
—
kienet teżisti diskriminazzjoni illegali bejn il-kredituri ta’ Laïki Bank u/jew il-kredituri ta’ Bank Of Cyprus naxxenti minn miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;
—
il-ksur allegat kien suffiċjentement serju safejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b’mod manifest u serju kisru l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom; u
—
teżisti rabta kawżali bejn il-ksur u d-danni subiti mir-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà:
—
id-depożitanti rikorrenti ġew żvestiti mid-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà minħabba miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;
—
id-depożitanti rikorrenti ma rċevew l-ebda kumpens xieraq għad-danni subiti bi ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà;
—
il-ksur allegat kien suffiċjentement serju safejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b’mod manifest u serju kisru l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom; u
—
teżisti rabta kawżali bejn il-ksur u d-danni subiti mir-rikorrenti.
Full & Egal Universal Law Academy