30.4.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 152/56
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Marzu 2018 – Scaloni e Figini vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-158/18)
(2018/C 152/66)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Mario Scaloni (Ancona, l-Italja), Ennio Figini (Chiaravalle, l-Italja) (rappreżentant: P. Putti, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara li l-Unjoni u/jew il-Kummissjoni tagħha, skont l-interpretazzjoni li għandha tingħata tad-Direttiva u tar-Regolament inkwistjoni, jiġu kkundannati jħallsu kumpens ekwivalenti għall-valur fuq il-karta kollu tal-azzjonijiet kif espost fir-rikors u kif jirriżulta mid-dokumenti annessi u tikkundannahom għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jiddikjaraw li wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (1), segwita bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (2), l-Istat Taljan ma kienx awtorizzat jintervjeni favur uħud mill-banek tiegħu, inkluża l-Banca Marche.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq kumpens għad-danni minħabba interpretazzjoni mhux konformi, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-Direttiva 59/2014/UE u tar-Regolament Nru 806/2014, fir-rigward tal-esklużjoni illegali ta’ Banca Marche mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u fuq il-ksur, b’konsegwenza ta’ dan, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u/jew ta’ nondiskriminazzjoni.
—
F’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li, għall-għajnuna lill-banek minn diversi Stati Membri, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 107(3)(b) kienu ssodisfatti, u għalhekk kienu meqjusa leġittimi. L-interventi ppjanati mill-Italja kellhom jiġu evalwati abbażi tal-istess regola, li hija l-unika waħda li tirregola l-għajnuna mill-Istat, u mhux skont id-Direttiva u r-Regolament. Dawn iż-żewġ testi legali ma jirrigwardawx l-għajnuna, u ma jistgħux jagħmlu dan għaliex huma atti ta’ dtitt sekondarju. Anki l-għajnuna favur il-banek Taljani kellha tiġi awtorizzata minħabba li kienet ibbażata fuq l-istess raġunijiet li kienu, skont il-Kummissjoni, ġġustifikaw dik diġà mogħtija.
—
Barra minn dan qed jiġi ppreċiżat li, fil-każ li d-dritt sekondarju jitqies applikabbli, l-ewwel motiv huwa li l-Kummissjoni, billi ma awtorizzatx l-għajnuna, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ġerarkija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mil-leġiżlatur Ewropew.
—
F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li jekk il-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni hija korretta, il-ksur imur lura għall-atti leġiżlattivi u r-responsabbiltà tkun taqa’ fuq l-Unjoni fl-intier tagħha.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku Taljan u fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
—
F’dan ir-rigward, qed jiġi sostnut li jekk il-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi li d-Direttiva u r-Regolament lanqas ma kisru l-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) għandha tintalab tivverifika l-kompatibbiltà tar-regoli kostituzzjonali Taljani mal-prinċipju ta’ ugwaljanza kif sanċit fl-ordinament kostituzzjonali Taljan. Fin-negattiv, il-leġiżlazzjoni li kisret l-imsemmija regoli ma kinitx f’pożizzjoni li tiġi integrata fl-ordinament ġuridiku Taljan.
(1) ĠU 2014 L 173, p. 190.
(2) ĠU 2014 L 225, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy