Kawża T-215/18: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2018 – QB vs BĊE
C2112018MT2510120180327MT0032251262
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2018 – QB vs BĊE
(Kawża T-215/18)2018/C 211/32Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: QB (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement,
—
tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-perijodu 2016 u d-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2017, innotifikata fit-28 ta’ Ġunju 2017, li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-benefiċċju ta’ avvanz fis-salarju;
—
sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni ta’ Settembru 2017 u d-deċiżjoni impliċita li jiċħdu, rispettivament, l-azzjoni amministrattiva u l-ilment tar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-kumpens għad-dannu morali evalwat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 15000;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-linji gwida tal-evalwazzjoni u tal-proċedura tal-Annual Salary and Bonus Review (ASBR), ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ksur tad-dmir ta’ premura, imwettqa mill-konvenut bl-adozzjoni tar-rapport ta’evalwazzjoni għall-perijodu 2016 (iktar ’il quddiem “ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż”). Ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari, l-ilmenti li ġejjin:
—
ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż ġie redatt minn membru tal-persunal tad-DG-H u mhux mill-evalwaturi;
—
ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż ġie deċiż meta l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti kien diġà ġie magħluq b’mod definittiv;
—
il-perijodu ta’ evalwazzjoni previst fir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż kien jinvolvi żmien qasir wisq għat-twettiq tal-evalwazzjoni annwali;
—
ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż ma huwiex għodda ta’ prestazzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest li bih huwa vvizzjat ir-rapport ta’ evalwazzjoni kontenzjuż, sa fejn, minn naħa l-evalwazzjoni hija bbażata parzjalment fuq xogħol mhux lest minħabba leave tal-mard, u, min-naħa l-oħra, evalwazzjoni pożittiva ta’ manager terz ġiet irregolarment ikkummentata u ridotta fil-portata tagħha mill-evalwaturi li barra minn hekk ma ħadux inkunsiderazzjonijiet l-għanijiet.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2017 li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-benefiċċju ta’ avvanz fis-salarju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ASBR”) hija bbażata fuq rapport ta’ evalwazzjoni li huwa illegali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ASBR ittieħdet minn awtorità li ma hijiex kompetenti, sa fejn din ittieħdet minn persuna temporanjament maħtura għal 6 xhur li ma kellhiex il-kwalità meħtieġa sabiex tieħu l-imsemmija deċiżjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq diversi żbalji manifesti li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni ASBR, sa fejn l-imsemmija deċiżjoni ma setgħetx tikkonstata underperformance fil-mument li din ġiet adottata.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-linji gwida ASBR u tal-proċedura ASBR u ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta, sa fejn id-deċiżjoni ASBR hija nieqsa minn motivazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy