Kawża T-258/18: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ April 2018 – Brunke vs Il-Kummissjoni
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ April 2018 – Brunke vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-258/18)
2018/C 276/80Lingwa tal-kawża: il-ĠermaniżPartijiet
Rikorrent: Lothar Brunke (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Schniebel, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata l-effett diskriminatorju tad-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni minn tabib mingħajr kwalifika bħala tabib speċjalizzat;
—
sussidjarjament, tobbliga lill-konvenuta, permezz ta’ deċiżjoni favur ir-rikorrent, fl-osservanza tal-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, tippermettilu jikseb fi żmien raġonevoli l-awtorizzazzjoni sabiex jeżerċita fil-kwalità ta’ tabib speċjalizzat fin-naturopatija, filwaqt li tirrikonoxxi l-bosta snin ta’ esperjenza f’prattika privata f’dan il-qasam u t-taħriġ kontinwu segwit b’mod parallel mal-attività professjonali tiegħu;
—
sussidjarjament, tikkonstata li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha permezz tat-Trattat FUE billi ma adottatx deċiżjoni abbażi tal-ilmenti tar-rikorrent tas-6 ta’ Ġunju 2017 u tas-27 ta’ Diċembru 2017.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) tipprekludih milli jipprattika l-mediċina fl-Ewropa kollha, għaliex l-assenza ta’ klawżola ta’ eżenzjoni għat-tobba mhux speċjalizzati twassal, għar-rikorrent, għal projbizzjoni ta’ fatt milli jeżerċita l-professjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni talli ma ddikjaratx ruħha fuq l-eżistenza ta’ din id-diskriminazzjoni.
( 1 ) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115).