Kawża T-270/18: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2018 – O'Flynn et vs Il-Kummissjoni
C2402018MT5010120180426MT0058501512
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2018 – O'Flynn et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-270/18)2018/C 240/58Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Michael O'Flynn (Cork, l-Irlanda), Paddy McKillen (Dublin, l-Irlanda) u David Daly (Malahide, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Cush, SC, D. Hardiman, Barrister, P. O’Brien u D. O'Keeffe, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 464 finali tal-25 ta’ Jannar 2018 (SA.43791(2017/NN)) ( 1 ) sa fejn hija ma qajmet ebda oġġezzjoni għall-allegata għajnuna lil u permezz tal-Aġenzija Nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Assi (National Asset Management Agency) (NAMA) jew alternattivament ma qisitx tali miżura bħala li tikkostitwixxi għajnuna,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż inklużi dawk relatati ma’ dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kien messa bdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.
—
Ir-rikorrenti jallegaw, inter alia, li billi naqset milli tidba tali proċedra, il-konvenuta kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom taħt l-Artikolu 108(2) TFEU kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tinvestiga b’mod diliġenti u imparzjali l-allegata għajnuna.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
—
Ir-rikorrenti jallegaw li l-konvenuta wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, inkluża l-konstatazzjoni tagħha li ma kien hemm ebda allegazzjoni ta’ użu ħażin tal-għajnuna mir-rikorrenti minkejja li tali allegazzjoni kienet magħmula espressament fil-punt 5.25 tal-ilment. Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li kien hemm varji nuqqasijiet fl-evalwazzjoni tal-konvenuta tal-attivitajiet tan-NAMA.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni mill-konvenuta.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jallegaw li l-konvenuta naqset milli tagħti motivazzjoni jew naqset milli tagħti motivazzjoni xierqa għad-deċiżjoni kkontestata billi, inter alia, naqset milli tispjega b’mod adegwat jew milli fil-fatt tispjega jew milli tispjega b’mod li jista’ jiġi vverifikat il-bażi tal-aċċettazzjoni tal-metodoloġija tan-NAMA sabiex tiddetermina l-vijabbiltà tal-proġetti ta’ żvilupp.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106 TFEU.
—
Minbarra l-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tat-TFEU dwar l-għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti jallegaw li kien hemm ksur tal-Artikolu 106 TFEU, kif intqal fl-ilment tagħhom, iżda dwar dan il-punt ma rċevew ebda risposta mill-konvenuta.
( 1 ) ĠU 2018 C 60, p. 4.
Full & Egal Universal Law Academy