Kawża T-290/18: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2018 – Agmin Italy vs Il-Kummissjoni
C2312018MT4320120180504MT0056432442
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2018 – Agmin Italy vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-290/18)2018/C 231/56Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Agmin Italy SpA (Verona, l-Italja) (rappreżentant: F. Guardascione, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
preliminarjament, tikkonstata u tiddikjara n-nullità, l-invalidità, l-assenza ta’ effetti jew l-ineżistenza tad-deċiżjoni kkontestata minħabba illegalità, ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni bejn il-funzjoni istruttorja u dik deċiżorja, ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, eċċess ta’ poter fil-forma ta’ żnaturament u tal-iżball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, nuqqas ta’ loġika u kontradizzjoni manifesti kif ukoll nuqqas ta’ istruttorja u differenza fit-trattament, kif ukoll, għal dawn il-motivi kollha, ta’ kull att preċedenti jew sussegwenti u, fi kwalunkwe każ, ikkoordinat jew konness mal-att imsemmi iktar ’il fuq, bil-konsegwenzi legali kollha;
—
fi kwalunkwe każ, tannulla d-Deċiżjoni DG NEAR tas-7 ta’ Marzu 2018 (ARES-2018-1288022), innotifikata fid-9 ta’ Marzu 2018 fil-parti koperta minn dan ir-rikors u, konsegwentement, tannulla s-sanzjonijiet marbuta magħha;
—
sussidjarjament, tneħħi jew tnaqqas is-sanzjoni imposta fuq Agmin sa fejn din hija eċċessiva jew sproporzjonata għall-aġir effettivament adottat minn Agmin;
—
dejjem sussidjarjament, tikkonstata li l-fatti deskritti jippermettu r-riabilitazzjoni ta’ Agmin fis-sens tal-Artikolu 106(9) tar-Regolament Nru 966/2012;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Marzu 2018 (ARES-2018-1288022), li eskludiet lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tipparteċipa fil-proceduri għall-għoti ta’ kuntratti pubblici għall-għoti ta’ kontribuzzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, għall-perijodu massimu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 106(14)(c) tar-Regolament Nru 966/2012 ( 1 ) u tordna l-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni, għal nuqqas ta’ kunsinna tal-oġġetti ordnati (lottijiet 9 u 11) fiż-żmien miftiehem fil-kuntratt għal provvista ENPI/2014/351-804 u nuqqas ta’ sostituzzjoni tal-garanzija (garanzija ta’ prefinanzjament ta’ EUR 89430,71) ippreżentata minn Agmin lill-awtorità kontraenti fid-19 ta’ Novembru 2014. Fil-fatt, din il-garanzija kienet inħarġet minn stabbiliment li, skont l-informazzjoni rċevuta mill-Banca d’Italia, kien awtorizzat joħroġ garanziji biss lil banek u istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati li jagħtu kreditu, iżda mhux lil persuni jew entitajiet oħrajn, bħall-awtorità kontraenti.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ eċċess ta’ poter, b’mod partikolari fil-forma ta’ ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni bejn il-funzjoni istruttorja u dik deċiżorja, ta’ kontradittorju, ta’ nuqqas manifest ta’ loġika u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur jew l-applikazzjoni żbaljata tal-“prinċipji tad-dritt Ewropew dwar il-kuntratt 2002”, applikabbli fis-sens tal-Artikolu 41 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 TUE, sa fejn il-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq Agmin is-sanzjoni massima applikabbli, ta’ perijodu ta’ tliet snin.
Ir-rikorrenti tqis b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet tagħha sa fejn il-Kummissjoni adottatha mingħajr ma ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li n-nuqqas ta’ kunsinna ġie kkawżat mir-responsabbiltà determinanti jew, sussidjarjament, konkorrenti, tal-awtorità kontraenti, li, b’mod arbitrarju u mhux iġġustifikat, irrifjutat is-sostituzzjoni tal-fornitur tal-oġġetti bi produttur ieħor li ddikjara li seta’ jipprovdi l-oġġetti ta’ kwalità ekwivalenti għal jew ogħla minn dik li kienet prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-avviż ta’ kuntratt.
( 1 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy