Kawża T-310/18: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2018 – EPSU u Willem Goudriaan vs Il-Kummissjoni
C2592018MT4410120180515MT0059441452
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2018 – EPSU u Willem Goudriaan vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-310/18)2018/C 259/59Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: European Federation of Public Service Unions (EPSU) (Brussell, il-Belġju) u Jan Willem Goudriaan (Brussell) (rappreżentanti: R. Arthur, Solicitor, u R. Palmer, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-5 ta’ Marzu 2018 li ma jiġix propost lill-Kunsill li Ftehim tal-Imsieħba Soċjali tal-UE tal-21 ta’ Diċembru 2015 dwar id-drittijiet għal informazzjoni u konsultazzjoni għal uffiċjali u membri tal-persunal ta’ amministrazzjonijiet tal-gvern ċentrali, adottat skont l-Artikolu 155(1) TFUE, jiġi implimentat bħala direttiva permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv li jallega li d-deċiżjoni kkontestata kienet att adottat bi ksur tal-Artikolu 155(2) TFUE. Il-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tirrifjuta li tipproponi li l-Kunsill jimplimenta l-Ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni fir-rigward tal-istatus tal-partijiet għall-Ftehim bħala rappreżentanti, jew fir-rigward tal-legalità tal-Ftehim.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jiġix propost lill-Kunsill li l-Ftehim jiġi implimentat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tikser l-Artikolu 155(2) TFUE, u tmur kontra r-rekwiżit ta’ osservanza tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali, stabbilit fl-Artikolu 152 TFUE.
—
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tressaq proposta lill-Kunsill, sakemm ma tippreżentax raġuni motivata biex jitqies li l-imsieħba soċjali li kienu partijiet għall-ftehim ma kinux rappreżentattivi biżżejjed, jew li l-Ftehim kien illegali.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-Ftehim, liema evalwazzjoni ma tidħolx fis-setgħat tagħha.
2.
It-tieni motiv li jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata minn raġunijiet li huma manifestament żbaljati u infondati.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħux jiġġustifikaw ir-rifjut li ssir proposta lill-Kunsill biex jadotta l-Ftehim.
—
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-uniċi raġunijiet li setgħu jiġġustifikaw rifjut kienu oġġezzjoni ġustifikata fir-rigward tan-natura rappreżentattiva tal-imsieħba soċjali, jew fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li timplimenta l-Ftehim bħala direttiva.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li f’kull każ, il-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni tal-impatt, u għalhekk ma setgħetx, fuq bażi ta’ proporzjonalità jew ta’ sussidjarjetà, tiġġustifika xi konklużjoni li tirrifjuta milli tipproponi li l-Ftehim jiġi implementat bħala direttiva permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, anki kieku fil-prinċipju kien ikun permess li dan isir.
Full & Egal Universal Law Academy