Kawża T-316/18: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2018 – Mediaservis vs Il-Kummissjoni
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2018 – Mediaservis vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-316/18)
2018/C 276/81Lingwa tal-kawża: l-IngliżPartijiet
Rikorrenti: Mediaservis s. r. o. (Praga, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: D. Vosol u C. Schneider, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 753 finali tad-19 ta’ Frar 2018 sabiex ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra l-għajnuna mill-Istat favur il-Posta Ċeka għall-provvista tas-servizz postali universali matul il-perijodu 2013-2017;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE.
—
Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtix bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja li hija esperjenzat diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-kawża u nuqqas, mill-Kummissjoni, li teżamina l-fatti u l-punti ta’ liġi kollha miġjuba għall-attenzjoni tagħha minn persuni, impriżi u assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati mill-għoti tal-għajnuna, u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
—
Il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kwistjonijiet kollha mqajma fl-ilment tar-rikorrenti. Minflok, il-Kummissjoni b’mod superfiċjali qieset li l-kalkolu tal-ispiża netta kien ibbażat fuq separazzjoni tal-kontabbiltà xierqa bejn l-ispiża għas-servizz universali u spejjeż oħra.
—
Il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha f’dak ir-rigward.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ispiża netta u tal-verifika tal-assenza ta’ kumpens żejjed.
—
Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-ispejjeż li Česká pošta wettqet fi ħdan u barra mill-ambitu tas-servizz universali kienu ġew allokati skont il-punt 31 tal-Qafas SIEĠ tal-2012 ( 1 ).
—
Il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha f’dan is-sens fuq xenarju manifestament irrealistiku u kontrofattwali.
—
Ix-xenarju kontrofattwali aċċettat mill-Kummissjoni ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Att Ċek dwar il-Posta jirrikjedi li l-prezzijiet għandhom jinkludu l-ispejjeż kollha sostnuti.
—
Il-kalkolu tal-ispiża netta seħħ bi ksur tal-punt 32 tal-Qafas SIEĠ tal-2012, peress li ma ħax inkunsiderazzjoni sorsi ta’ dħul rilevanti, anki jekk huma marbuta ma’ attivitajiet li ma humiex SIEĠ.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi manifest fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 25 tal-Qafas SIEĠ tal-2012 flimkien mal-Anness I, Parti B tad-Direttiva Postali ( 2 ).
—
Għalkemm il-punt 25 tal-Qafas SIEĠ tal-2012 u l-Anness I, Parti B tad-Direttiva Postali jirrikjedu l-kalkolu tal-ispiża netta sabiex jiġu evalwati l-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli sa fejn huwa possibbli, għall-fornitur SIEĠ (li jittieħdu inkunsiderazzjoni kwalunkwe benefiċċji intanġibbli u benefiċċji tas-suq li huma dovuti għall-fornitur tas-servizz universali), l-Anness A.1. tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien jirrigwarda biss il-benefiċċji intanġibbli.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-punt 51 et seq tal-Qafas SIEĠ tal-2012 u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
—
Minħabba l-aġir fis-suq ta’ Česká pošta li huwa maħsub li jwarrab lil kompetituri mis-suq, il-Kummissjoni kienet obbligata timponi rekwiżiti addizzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp tan-negozju ma jiġix affettwat b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-punt 51 et seq tal-Qafas SIEĠ tal-2012, iżda din naqset milli tagħmel dan.
—
Anki li kieku ma kelliex dan l-obbligu, il-Kummissjoni kienet tkun obbligata, fid-dawl tas-sehem mis-suq u tal-aġir fis-suq ta’ Česká pošta, tagħti raġunijiet konkreti dwar għaliex tali rekwiżiti addizzjonali ma kinux neċessarji, iżda naqset milli tagħmel dan.
( 1 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15).
( 2 ) Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU 2008, L 52, p. 3).