Kawża T-317/18: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2018 – Fugro vs Il-Kummissjoni
C2402018MT5910120180518MT0069591602
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2018 – Fugro vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-317/18)2018/C 240/69Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Fugro NV (Leidschendam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: T. Snoep u V. van Weperen, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Il-Kummissjoni ma kinitx tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni u l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma għandhiex tkun limitata għall-evalwazzjoni ta’ jekk id-deċiżjoni hijiex b’mod ċar u manifest inadegwata fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Id-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li:
—
id-deċiżjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija;
—
il-Kummissjoni ma għażlitx il-miżura l-inqas oneruża minn fost il-miżuri xierqa disponibbli;
—
l-iżvantaġġi kkawżati mid-deċiżjoni huma sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.
—
Anki li kieku l-Kummissjoni kienet tgwadi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, id-deċiżjoni xorta tibqa’ mezz manifestament inapproprjat sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser id-dritt għall-proprjetà ta’ Fugro skont l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt għal-libertà ta’ intrapriża ta’ Fugro skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
—
Id-deċiżjoni tikser id-dritt għall-proprjetà ta’ Fugro peress li teqred in-negozju ta’ Fugro. It-telf ta’ proprjetà huwa sinjifikattiv u jmur lil hinn minn riskju ekonomiku raġjonevoli; u
—
id-deċiżjoni taffettwa l-eżistenza stess tal-libertà ta’ intrapriża ta’ Furgo.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.
—
Id-deċiżjoni timpedixxi lill-Unjoni Ewropea milli twettaq il-kompitu essenzjali ta’ stabbiliment ta’ suq intern mingħajr distorsjoni peress li:
—
id-deċiżjoni twassal għal intervent tas-settur pubbliku fis-suq tas-servizzi tal-awmentazzjoni GNSS offshore li huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni; u
—
bi ksur tal-Artikolu 3(3) TUE u tal-Protokoll Nru 27, id-deċiżjoni tinterferixxi mas-suq tas-servizzi tal-awmentazzjoni GNSS offshore fejn ma hemmx nuqqas fis-suq.
Full & Egal Universal Law Academy