Kawża T-318/18: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2018 – Amazon EU u A vs Il-Kummissjoni
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2018 – Amazon EU u A vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-318/18)
2018/C 276/82Lingwa tal-kawża: l-IngliżPartijiet
Rikorrenti: Amazon EU Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) u A, Inc. (Seattle, Washington, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Paemen, M. Petite u A. Tombiński, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon, li tikkonstata li l-Lussemburgu tat lil LuxOpCo għajnuna mill-Istat illegali matul il-perijodu minn Mejju 2006 sa Ġunju 2014 permezz ta’ deċiżjoni fiskali mogħtija fl-2003 ( 1 );
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni; u
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu d-Deċiżjoni tonqos milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ favur ir-rikorrenti fid-dawl tal-elementi ta’ paragun imressqa mir-rikorrenti
—
id-Deċiżjoni tinjora, b’mod żbaljat, provi diretti li juru li d-drittijiet li LuxOpCo effettivament ħallset għall-assi intanġibbli matul il-perijodu rilevanti kienu distinti, u li għaldaqstant id-deċiżjoni fiskali tal-2003 ma tatx vantaġġ reali fuq LuxOpCo fil-forma ta’ tnaqqis fil-bażi taxxabbli.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE inkwantu l-konstatazzjoni ta’ vantaġġ mid-Deċiżjoni hija bbażata fuq analiżi żbaljata tal-funzjonijiet ta’ LuxOpCo u ta’ Amazon European Holding Technologies S.C.S.
—
l-analiżi tad-Deċiżjoni dwar il-funzjonijiet li żvolġew Amazon European Holding Technologies S.C.S. (iktar ’il quddiem “LuxSCS”) u LuxOpCo hija vvizzjata minn sensiela ta’ żbalji fundamentali ta’ liġi u ta’ fatt. Dawn l-iżbalji jinvalidaw l-applikazzjoni mid-Deċiżjoni tal-metodu ta’ tranżazzjoni tal-marġni netta u l-konstatazzjoni preliminari li jirriżulta vantaġġ.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu l-konstatazzjoni ta’ vantaġġ mid-Deċiżjoni tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha.
—
id-deċiżjoni ma teżaminax il-provi tal-fajl bil-livell meħtieġ ta’ attenzjoni u ta’ imparzjalità.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu l-konstatazzjoni ta’ vantaġġ mid-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-premessa li d-drittijiet ma kinux konformi mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa.
—
il-konstatazzjoni ta’ vantaġġ mid-Deċiżjoni timplika li LuxOpCo missha ħallset prezz ta’ trasferiment li jmur manifestament kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa u għaldaqstant hija infondata.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(TFUE) inkwantu d-Deċiżjoni tonqos milli turi vantaġġ taħt ir-raġunament magħmul sussidjarjament.
—
il-konstatazzjoni sussidjarja tad-Deċiżjoni li d-deċiżjoni fiskali tal-2003 tat vantaġġ ekonomiku lil LuxOpCo minħabba li kienet ibbażata fuq tliet għażliet ta’ metodoloġija żbaljati tistrieħ fuq klassifikazzjoni żbaljata tar-rwoli rispettivi ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS u hija infondata.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artiklu 107(TFUE) inkwantu d-Deċiżjoni tikklassifika b’mod żbaljat id-deċiżjoni fiskali tal-2003 bħala miżura individwali ad hoc u b’riżultat ta’ dan tistrieħ b’mod żbaljat fuq preżunzjoni ta’ selettività.
—
peress li hija bbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni fiskali tal-2003 bħala miżura individwali ad hoc, id-Deċiżjoni taħt il-konstatazzjoni preliminari tagħha ta’ selettività tapplika b’mod żbaljat preżunzjoni ta’ selettività biex tikkonstata li d-deċiżjoni fiskali tal-2003 hija ta’ natura selettiva.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(TFUE) u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali inkwantu l-analiżi tas-selettività min-naħa tad-Deċiżjoni tistrieħ fuq qafas ta’ referenza żbaljat.
—
taħt il-konstatazzjonijiet sussidjarji ta’ selettività, id-deċiżjoni teskludi b’mod żbaljat il-prassi amministrattiva ġenerali Lussemburgiża dwar il-prezz ta’ trasferiment mill-qafas ta’ referenza, kuntrarjament għall-ġurisprudenza applikabbli.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ retroattività, u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali inkwantu d-Deċiżjoni tevalwa l-validità tad-deċiżjoni fiskali tal-2003 b’riferiment għal Linji ta’ Gwida tal-OECD ulterjuri.
—
id-deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv u diskriminatorju, u tissuġġetta lir-rikorrenti u lil-Lussemburgu, għal regoli fil-Linji Gwida tal-OECD tal-2017 dwar prezz ta’ trasferiment li nħarġu wara li l-Kummissjoni bdiet il-proċeduri taħt l-Artikolu 108(2) TFUE, u sew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fiskali tal-2003.
9.
Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 ( 2 ), inkwantu d-Deċiżjoni tordna l-irkupru tal-għajnuna minkejja li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli diġà skada.
—
l-ordni ta’ rkupru tad-Deċiżjoni hija illegali inkwantu t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 skada.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/859 tal-4 ta’ Ottubru 2017 dwar għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon (notifikata bid-dokument C(2017) 6740) (ĠU 2018, L 153, p. 1).
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).