Kawża T-322/18: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2018 – García Ruiz vs Il-Parlament
C2942018MT4610120180523MT0061461472
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2018 – García Ruiz vs Il-Parlament
(Kawża T-322/18)2018/C 294/61Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Faustino-Francisco García Ruiz (Alcorcón, Spanja) (rappreżentant: C. Manzano Ledesma, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Petizzjonijiet hija kkontestata permezz tar-rikors odjern u, wara li tqis li dan ir-rikors huwa ammissibbli, tikkonstata li kien hemm ksur tad-drittijiet, biex b’hekk tiggarantixxi l-interessi tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali.
—
tikkundanna għall-ispejjeż jekk dan ikun xieraq.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jallega li:
Dan ir-rikors ġie ppreżentat peress li l-Kummissjoni tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew ma indirizzatx lir-rikorrent att differenti minn rakkomandazzjoni jew parir, u konsegwentement ma ġiex protett id-dritt tar-rikorrent, bi ksur tat-Trattat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 232(3) TKE u l-Artikolu 265(3) TFUE.
Id-deċiżjonijiet adottati mill-amministrazzjoni pubblika tal-Comunidad de Madrid (il-Komunità ta’ Madrid) u mill-qrati jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrent inkonnessjoni mad-drittijiet u l-interessi kummerċjali tiegħu, bi ksur tad-dritt li jirċievi benefiċċju li jikkumplementa l-pensjoni pubblika rrikonoxxuta mill-Komunità ta’ Madrid.
Id-deċiżjoni amministrattiva tal-Komunità ta’ Madrid u d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati jiġġeneraw inugwaljanza fit-trattament u diskriminazzjoni fir-rigward tar-riċeviment tal-benefiċċji bejn il-pensjonanti volontarji u mhux volontarji.
Fil-qasam tal-pensjonijiet, l-Unjoni Ewropea hija kompetenti u għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tissalvagwardja d-dritt tar-rikorrent wara li l-amministrazzjoni pubblika u l-qrati nazzjonali ċaħdu d-dritt mogħti mill-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni kif ukoll mid-direttivi marbuta mal-ugwaljanza fir-riċeviment tal-benefiċċji, fl-assenza ta’ differenza oġġettiva fattwali jew legali li taffettwa r-riċeviment tal-benefiċċji minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ pensjonanti.
Full & Egal Universal Law Academy