Kawża T-330/18: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2018 – Carvalho et vs Il-Parlament u Il-Kunsill
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2018 – Carvalho et vs Il-Parlament u Il-Kunsill
(Kawża T-330/18)
2018/C 285/51Lingwa tal-kawża: l-IngliżPartijiet
Rikorrenti: Armando Carvalho (Santa Comba Dão, il-Portugall), u 36 rikorrent ieħor (rappreżentanti: G. Winter, professur, R. Verheyen, avukat, and H. Leith, Barrister)
Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata li l-“pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra” ( 1 ) huwa vvizzjat b’illegalità sa fejn jawtorizza emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul il-perijodu ta’ bejn l-2012 u l-2030 li jikkorrispondu għal 80 % tal-livell ta’ emissjonijiet tal-1990 fl-2021 u li jonqsu għal 60 % tal-livell tal-emissjonijiet tal-1990 fl-2030;
—
tannulla l-pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sa fejn huwa jnaqqas il-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-2030 għal 40 % tal-livell tagħhom fl-1990 u, b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata reċentement bid-Direttiva 2018/410, l-Artikolu 4(2), u l-Anness I tar-Regolament 2018/842, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/841;
—
tordna lill-konvenuti jadottaw miżuri b’applikazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jimponu minn issa sal-2030 tnaqqis tal-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 50 % sa 60 % meta mqabbla mal-livell tagħhom fl-1990, jew kwalunkwe livell ogħla ta’ tnaqqis li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;
—
sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali ma tipprekludix li tingħata ordni u jekk id-deċiżjoni tagħha għall-annullament tal-objettivi ta’ tnaqqis tingħata tard wisq sabiex id-dispożizzjonijiet rilevanti jiġu emendati qabel l-2021, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tordna li jinżammu fis-seħħ dispożizzjonijiet ikkontestati tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sad-data li hija tiddetermina u sa liema data huma għandhom ikunu ġew emendati permezz ta’ regoli legali ta’ livell superjuri;
—
tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv imqajjem insostenn tat-talba għal annullament huwa bbażat fuq il-fatt li l-Unjoni hija marbuta minn regoli legali ta’ livell superjuri sabiex tipprevjeni l-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima, skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jipprojbixxi lill-Istati milli jikkawżaw ħsara u jobbligahom jipprevjenu l-ħsara skont l-Artikolu 191 TFUE. Bl-istess mod, l-Unjoni hija obbligata tipprevjeni l-ksur tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kkawżat mit-tibdil fil-klima. Dawn id-drittijiet jinkludu d-dritt għall-ħajja u għall-integrità fiżika, id-dritt li wieħed jeżerċita attività professjonali, id-dritt għal proprjetà, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt ta’ ugwaljanza fit-trattament.
2.
It-tieni motiv imqajjem insostenn tat-talba għal annullament huwa bbażat fuq il-fatt li fid-dawl tar-rabta kawżali bejn l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u t-tibdil serju fil-klima, l-Unjoni hija obbligata tieħu miżuri sabiex tirregola l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni sabiex tipprevjenti din il-ħsara u l-ksur tad-drittijiet fundamentali.
3.
It-tielet motiv imqajjem insostenn tat-talba għal annullament huwa bbażat fuq il-fatt li t-tibdil fil-klima diġà jikkawża ħsara kif ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u ser ikompli jagħmel dan. Kull emissjoni addizzjonali ta’ gassijiet serra hija għaldaqstant illegali ħlief jekk tkun tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi u jekk l-Unjoni tkun ippruvat tnaqqashom sa fejn il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħha jagħmlu dan possibbli.
4.
Ir-raba’ motiv imqajjem insostenn tat-talba għal annullament huwa bbażat fuq il-fatt li l-Unjoni ma tista’ tagħti ebda ġustifikazzjoni ta’ dan it-tip fl-adozzjoni tal-objettivi stabbiliti mill-pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għar-raġunijiet li ġejjin:
—
dawn l-objettivi jawtorizzaw kwantitajiet ta’ emissjonijiet li jeċċedu b’mod sinjifikattiv is-sehem ekwu tal-Unjoni tal-baġit tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar żieda massima ta’ temperatura medja globali ta’ 1,5 C jew ferm taħt iż-2 oC;
—
l-objettivi ġew stabbiliti mingħajr ma l-konvenuti eżaminaw l-ambitu tal-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tat-tnaqqis. L-objettivi pjuttost intgħażlu bħala l-mezzi l-iktar effiċjenti f’termini ta’ spejjeż sabiex jintlaħaq objettiv ta’ emissjonijiet fuq perijodu fit-tul iddeterminat minn qabel li minn dak iż-żmien ġie ssostitwit mill-Ftehim ta’ Pariġi;
—
il-provi li kellhom il-konvenuti jipprovaw li l-Unjoni kellha l-kapaċitajiet li tieħu l-miżuri għat-tnaqqis tal-gassijiet serra ta’ mill-inqas 50 % sa 60 % taħt il-livell tal-1990 sal-2030.
5.
Il-ħames motiv insostenn tat-talba li tingħata ordni, huwa bbażat min-naħa tiegħu wkoll fuq il-fatt li l-Unjoni hija marbuta minn regoli ta’ livell superjuri sabiex tipprevjeni l-ħsara kkawżata mit-tibdil fil-klima, skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jipprojbixxi lill-Istati milli jikkawżaw ħsara u jobbligahom jipprevjenu l-ħsara skont l-Artikolu 191 TFUE. Hija obbligata wkoll, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tipprevjeni l-ksur tad-drittijiet fundamentali kkawżat mit-tibdil fil-klima.
6.
Is-sitt motiv insostenn tat-talba li tingħata ordni huwa bbażat fuq il-fatt li l-Unjoni kienet, minħabba r-responsabbilitajiet tagħha fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, kisret l-obbligi tagħha fil-passat:
—
hija kisret l-obbligu tagħha li ma tikkawżax danni sa mill-1992 meta l-adozzjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġiet adottata u t-tagħrif dwar it-tibdil fil-klima sar iktar ġenerali;
—
il-ksur tal-obbligi mill-Unjoni sar agħar fl-2009 meta kemm l-Artikolu 191 TFUE kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kienu fis-seħħ;
—
f’dak iż-żmien, it-tkomplija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kellha tkun ipprojbita ħlief jekk mhux iġġustifikata b’mod oġġettiv. L-Unjoni la kkonfermat u lanqas tista’ tikkonferma li l-livelli ta’ emissjonijiet li hija kompliet tawtorizza matul dan il-perijodu kienu konformi mal-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet.
7.
Is-seba’ motiv insostenn tat-talba li tingħata ordni huwa bbażat fuq il-fatt li l-Unjoni għadha sa issa tikser l-obbligi tagħha bl-adozzjoni tal-objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Kif espost taħt il-motivi insostenn tat-talba għal annullament, il-pakkett leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ma jnaqqasx l-emissjonijiet u jawtorizza li dawn ikomplu jseħħu fuq livelli illegali li ma jistgħux jiġu ġġustifikati.
8.
It-tmien motiv insostenn tat-talba li tingħata ordni huwa bbażat fuq il-fatt li l-ksur mill-Unjoni tal-obbligi tagħha jikkostitwixxi illegalità suffiċjentement serja sabiex tagħti drittijiet lill-individwi. L-Unjoni ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali sabiex tirrifjuta li teżamina jew tadotta miżuri li jaqgħu taħt il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
9.
Id-disa’ motiv insostenn tat-talba li tingħata ordni huwa bbażat fuq il-fatt li l-ksur ta’ dan l-obbligu kkawża tibdil fil-klima li ġġenera danni materjali subiti minn uħud mir-rikorrenti u li, fil-ġejjini, ser jikkawżaw danni oħrajn u danni addizzjonali għar-rikorrenti kollha.
10.
L-għaxar motiv insostenn tat-talba li tingħata ordni huwa bbażat fuq il-fatt li l-Unjoni hija obbligata tiżgura li taġixxi f’konformità mal-obbligi legali tagħha fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħha, li l-provi juru li għandu jkun tnaqqis ta’ mill-inqas 50 % sa 60 % sal-2030 tal-livell ta’ emissjonijiet tal-1990. Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tagħti ordni f’dan is-sens.
( 1 ) Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU 2018, L 76, p. 3); Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU 2018, L 156, p. 26), u Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU 2018, L 156, p. 1). (Ir-rikors jirreferi għar-Regolamenti 2018/842 u 2018/841 kif adottati mill-Kunsill fl-14 ta’ Mejju 2018, qabel il-firma u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali).