Kawża T-342/18: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2018 – Nichicon Corporation vs Il-Kummissjoni
C2942018MT4810120180530MT0063481492
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2018 – Nichicon Corporation vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-342/18)2018/C 294/63Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Nichicon Corporation (Kyoto, il-Ġappun) (rappreżentanti: A. Ablasser-Neuhuber, F. Neumayr, G. Fussenegger u H. Kühnert, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 1768 finali tal-21 ta’ Marzu 2018 dwar proċeduri skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40136 – Kondensers) fl-intier tagħha, sa fejn din tapplika għall-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment:
a.
l-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonstata li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-setturi tal-kondensers elettrolitiċi li jkopru ż-ŻEE kollha, li kien jikkonsisti fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li kellhom bħala l-għan tagħhom il-koordinazzjoni tal-livell tal-prezzijiet mis-26 ta’ Ġunju 1998 sal-31 ta’ Mejju 2010,
b.
l-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata, li jimponi multa ta’ EUR 72901000 fuq ir-rikorrenti, u
—
tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 1 );
—
fi kwalunkwe każ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni proprja tagħha għal dik tal-Kummissjoni rigward l-ammont tal-multa u tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji materjali ta’ fatt
L-allegati żbalji materjali ta’ fatt jirrigwardaw b’mod partikolari tliet perijodi ta’ żmien ta’ kuntatti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt li ma humiex stabbiliti b’mod suffiċjenti. Konsegwentement, il-Kummissjoni b’mod żbaljat assumiet li hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala ksur uniku u kontinwu, u l-preżunzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti għall- parteċipazzjoni tagħha.
It-tieni motiv jirrigwarda żbalji allegati magħmula mill-Kummissjoni kemm fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kuntatti identifikati bħala ksur uniku u kontinwu u fi-rrigward tar-responsabbiltà tar-rikorrenti għal tali ksur. L-ewwel nett, il-Kummissjoni allegatament naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt il-portata ta’ ksur uniku u kontinwu. It-tieni nett, il-Kummissjoni allegatament żbaljat meta żammet lir-rikorrenti responsabbli għal kuntatti li għalihom ma pparteċipatx. It-tielet nett, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-ksur kompla mingħajr interruzzjoni qabel is-7 ta’ Novembru 2003. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni allegatament żbaljat meta kkonstatat li r-rikorrenti hija responsabbli għall-parteċipazzjoni kontinwa fi ksur uniku u kontinwu wara l-10 ta’ Novembru 2008. Bħala konsegwenza, għall-Kummissjoni tapplika l-preskrizzjoni sabiex timponi sazjonijiet fuq ir-rikorrenti. Il-ħames lok, il-Kummissjoni allegatament b’mod żbaljat qieset li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku u kontinwu kien kompla minkejja d-distanza espliċita li żammet.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-multa
Fir-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tressaq allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-multa. L-ewwel nett, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi meta b’mod żbaljat ħadet il-valur kollu tal-bejgħ fiż-ŻEE bħala l-bażi għall-kalkolu tal-multa. It-tieni u t-tielet nett, meta ddeterminat b’mod żbaljat il-koeffiċjent ta’ gravità u l-ammont addizzjonali, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi allegatament il-multa ma tirriflettix debitament il-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi mitiganti tar-rikorrenti, jekk kien hemm, in-negliġenza tar-rikorrenti u r-rwol limitat u l-aġir kompetittiv tagħha.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali
Il-ħames motiv jikkonċerna l-ksur allegat tal-Kummissjoni tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE billi ma pprovdietx lil Nichicon b’dikjarazzjoni supplimentari tal-oġġezzjonijiet, u billi stabbilixxiet terminu qasir wisq sabiex tiddefendi ruħha.
( 1 ) Regoloment tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy