Kawża T-345/18: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2018 – BNP Paribas vs BĊE
C2682018MT4320120180601MT0053432442
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2018 – BNP Paribas vs BĊE
(Kawża T-345/18)2018/C 268/53Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: BNP Paribas (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville, M. Trabucchi u M. Dalon, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-BĊE Nru ECB-SSM-2018-FRBNP-17 tas-26 ta’ April 2018 sa fejn timponi tnaqqis tal-impenji ta’ ħlas irrevokabbli mal-Fond ta’ Riżoluzzjoni Uniku, ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u ta’ skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti ta’ kategorija 1, fuq bażi individwali, issottokonsolidata u kkonsolidata, u b’mod partikolari l-paragrafi 9.1, 9.2 u 9.3;
—
tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq assenza ta’ bażi legali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża toħloq regola ġdida ta’ portata ġenerali li teċċedi b’mod ċar il-qafas legali li jirregola l-eżerċizzju mill-konvenut tal-missjonijiet tiegħu ta’ sorveljanza prudenzjali.
Barra minn hekk, bl-adozzjoni mingħajr analiżi minn qabel tar-riskju ta’ solvenza u ta’ likwidità u mingħajr rigward għall-profil ta’ riskju tar-rikorrent, il-konvenuta eċċediet is-setgħat previsti bl-Artikoli 4(1)(f) u 16 tar-Regolament (UE) tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament MSU”).
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li l-Artikolu 16(1)(c) tar-Regolament MSU ma jippermettix lill-BĊE jieħu azzjoni sabiex jiżgura “informazzjoni aħjar tar-riskju” u li l-Artikoli 4(1)(f) u 16(2)(d) tar-Regolament MSU ma jawtorizzawx l-adozzjoni ta’ miżuri prudenzjali fir-rigward ta’oġġetti li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ.
2.
It-tieni medju, ibbażat fuq żball ta’ liġi peress li l-konvenut interpreta ħażin testi Komunitarji li jistabbilixxu l-possibbiltà għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-impenji ta’ ħlas irrevokabbli (iktar 'il quddiem l-“IĦI”) sabiex jissodisfaw parti mill-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni u skemi ta’ garanzija għad-depożiti. Id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-għanijiet u l-għan tar-regoli applikabbli peress li tinjora l-intenzjoni tal-leġiżlatur murija permezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti. Meta tagħmel dan, l-imsemmija deċiżjoni tirrendi mingħajr effett utli d-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-impożizzjoni ta’ tnaqqis tat-taxxa tal-IĦI mill-fondi tagħha stess la jkun xieraq u lanqas meħtieġ fir-rigward ta’ riskju purament ipotetiku u diġà kopert. Skont ir-rikorrent, din il-miżura hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan stabbilit mill-BĊE stess li “jipprovdi informazzjoni adegwata dwar ir-riskji finanzjarji”.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrent issostni li meta għażel li juża għodda (it-tnaqqis mill-fondi tiegħu) manifestament mhux adegwata għall-għan li hija tallega li ssegwi (tipprovdi informazzjoni adegwata dwar ir-riskji), il-konvenut ikun kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn ma ġibditx il-konsegwenzi xierqa tal-evalwazzjonijiet tiegħu stess.
Full & Egal Universal Law Academy