Kawża T-369/18: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2018 – Napolitano vs Il-Kummissjoni
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2018 – Napolitano vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-369/18)
2018/C 276/89Lingwa tal-kawża: it-TaljanPartijiet
Rikorrent: John Napolitano (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: M. Velardo, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjonijiet ikkontestati f’dan ir-rikors huma: id-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2017, fejn jirriżulta li r-rikorrent ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/324/16, id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2017, li ċaħdet it-talba ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva u d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tas-7 ta’ Marzu 2018, li ċaħdet ir-rikors amministrattiv tar-rikorrent ippreżentat konformement mal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni f’din il-proċedura kellu bħala għan l-għażla ta’ għaxar investigaturi mexxejja tat-timijiet (AD9) li kellhom jiġu inklużi fil-listi ta’ riżerva użati mill-Kummissjoni Ewropea (prinċipalment mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi – OLAF) għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali ġodda, bħala amministraturi, biex imexxu tim ta’ investigaturi li jaħdmu fil-qasam tan-nefqa tal-UE, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra nuqqasijiet serji tal-persunal tal-UE, fil-qasam tad-dwana u tal-kummerċ, tabakk u prodotti foloz.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tar-Regolament Nru 1/58, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-lingwa, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità taħt l-Artikolu 5 TFUE u tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ imparzjalità min-naħa tal-President tal-Bord tal-Għażla u tal-Artikolu 3 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni min-naħa tal-Bord tal-Għażla, sa fejn, minn naħa, fil-kalkolu tal-punti miksuba fit-test ta’ għażla multipla u fit-test dwar il-kompetenzi ġenerali l-imsemmi bord illegalment issovrappona żewġ kunċetti distinti (dak ta’ “punti minimi meħtieġa” u dak ta’ “natura eliminatorja”), u, min-naħa l-oħra, fl-għoti tal-istudju ta’ każ relatat mat-test ġenerali għażel siltiet speċifiċi wisq li kienu jivvantaġġaw lil min diġà kellu esperjenza mal-OLAF.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kandidati u tan-natura mhux oġġettiva tal-evalwazzjonijiet, minħabba n-natura instabbli tal-Bord tal-Għażla.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tad-diskrepanza kunsiderevoli bejn l-evalwazzjonijiet individwali diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla. Min-naħa l-oħra, mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali ma jirriżultax b’mod ċar li t-test kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod għal kollox separat.