Kawża T-371/18: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2018 – Reiner Stemme Utility Air Systems vs EASA
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2018 – Reiner Stemme Utility Air Systems vs EASA
(Kawża T-371/18)
2018/C 276/90Lingwa tal-kawża: l-IngliżPartijiet
Rikorrenti: Reiner Stemme Utility Air Systems GmbH (Wildau, il-Ġermanja) (rappreżentanti: O. Alexander u P. Stompfe, avukati)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza u l-Avjazzjoni (EASA)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara n-notifika tal-ħlasijiet – il-fattura Nru 90091554 tat-28 ta’ April 2017 maħruġa mill-konvenut – fil-forma tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-EASA tad-19 ta’ April 2018 nulla u bla effett;
—
tiddikjara li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 ( 1 ) tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar id-drittijiet u l-ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza u l-Avjazzjoni ma huwiex applikabbli f’dan il-każ;
—
tissospendi l-applikazzjoni tal-fattura Nru 90091554 tat-28 ta’ April 2017 sal-għoti tas-sentenza mill-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza tagħha billi imponiet taxxi fil-qasam tas-sikurezza tal-ajru
Ir-rikorrenti ssostni li t-“drittijiet” għall-ajruplani fil-kategorija 2000 – 5700 kg ser jitligħu għal taxxi, minħabba l-“qabża kbira” tad-“dritt b’rata fissa” b’iktar minn 1700 fil-mija. F’dan il-każ partikolari, is-servizz tal-konvenut għaċ-ċittadin bħala korrispettiv tad-“drittijiet” ser ikun tant negliġibbli (minimu), li s-servizz tal-konvenut ma jistax jitqies bħala korrispettiv, iżda jkun jikkostitwixxi taxxa.
Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza sabiex timponi taxxi fil-qasam tas-sikurezza tal-ajru. Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014, li jipprevedi dritt b’rata fissa ta’ EUR 263800 għal kompiti ta’ ċertifikazzjoni għal ajruplani bħal dawk tar-rikorrenti, li allegatament ma humiex prinċipalment relatati mal-kompiti attwalment imwettqa mill-konvenuta u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux korrispettiv għas-servizzi mogħtija mill-konvenuta, ikun jikser il-prinċipju tal-qsim tal-kompetenzi.
2.
It-tieni motiv li l-fattura kkontestata kif ikkonfermata mid-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
Skont ir-rikorrenti, id-drittijiet li imponiet abbażi tar-Regolament (UE) Nru 319/2014 għall-kompitu ta’ ċertifikazzjoni inkwistjoni jkunu sproporzjonati għall-għan segwit, u, għaldaqstant jiksru l-libertà ta’ impriża skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv li l-fattura kkontestata, kif ikkonfermata mid-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi diskriminazzjoni u għalhekk tikser l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-fattura kkontestata maħruġa mill-konvenut skont ir-Regolament (UE) Nru 319/2014 ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għaliex ir-rikorrenti tiġi ttrattata b’mod differenti meta mqabbla ma’ manifatturi oħra tal-ajruplani li jridu jiksbu ċertifikat tat-tip, għalkemm is-sitwazzjoni tirrikjedi l-istess trattament.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 319/2014 ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-konvenuta fir-rigward tal-ħlas ta’ drittijiet għall-kompitu ta’ ċertifikazzjoni. Minflok, dan l-artikolu jkun jiddetermina meta d-dritt li għandu titħallas ikun dritt b’rata fissa jew varjabbli. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tkun eċċediet is-setgħa tagħha sabiex tadotta r-regolament, u b’hekk tikser il-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni sanċit fl-Artikolu 13(2) TUE.
( 1 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 593/2007 (ĠU 2014 L 93, p. 58).