10.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/16
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2018 – Front Polisario vs Il-Kunsill
(Kawża T-376/18)
(2018/C 319/20)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Front populaire pour la libération de la Saguia el-Hamra et Rio de oro (Front Polisario) (rappreżentant: G. Devers, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissabbli;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2008, li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u għall-konklużjoni ta’ Protokoll mar-Renju tal-Marokk (deċiżjoni mhux ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea), ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk ma għandhomx il-kompetenza sabiex jinnegozzjaw ftehimiet internazzjonali, li jinkludu lis-Saħara tal-Punent, minflok il-poplu ta’ dan it-territorju, kif irrappreżentat mill-Front Polisario.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu eżaminati l-aspetti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, sa fejn, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tiġi eżaminata l-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dritt umanitarju internazzjonali, sa fejn mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill naqas milli jikkunsidra l-kwistjoni tar-rispett tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Kunsill naqas milli jibda diskussjonijiet mal-Front Polisario, li huwa l-uniku rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jeżegwixxi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinjora l-moviti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-104/16 P u C-266/16.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji u tal-valuri essenzjali li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fuq ix-xena internazzjonali peress li, minn naħa, id-deċiżjoni tinnega l-eżistenza tal-poplu tas-Saħara tal-Punent billi tissostitwixxi t-termini b’“popolazzjonijiet ikkonċernati” u li, min-naħa l-oħra, hija tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk fil-kuntest tal-politika annessjonista tiegħu fir-rigward tas-Saħara tal-Punent, u fuq istanzi ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali li l-persistenza ta’ din il-politika tinvolvi.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni, peress li, minn naħa, id-deċiżjoni tinnega l-eżistenza tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fir-rigward tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tikser l-unità nazzjonali ta’ dan il-poplu, u li min-naħa l-oħra, hija tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk bi ksur tal-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u tas-sovrenità permanenti tal-poplu ta’ dan it-territorju fuq ir-riżorsi naturali tiegħu.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effetti relattivi tat-trattati, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinnega lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif irrappreżentat mill-Front Polisario, il-kwalità ta’ terz fir-relazzjonijiet UE-Marokk.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt kriminali internazzjonli peress li, minn naħa, in-negozjati, awtorizzati mid-deċiżjoni kkontestata, huma mmexxija fil-kuntest tal-politika annessjonista tar-Renju tal-Marokk fir-rigward tas-Saħara tal-Punent, u li, min-naħa l-oħra, billi tuża t-termini “popolazzjonijiet ikkonċernati”, l-imsemmija deċiżjoni tapprova t-trasferiment illegali tal-kolonisti Marokkini fit-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent.
10.
L-għaxar motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tal-Unjoni, peress li, billi awtorizzat il-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tal-Marokk fir-rigward tas-Saħara tal-Punent, id-deċiżjoni tapprova l-istanzi ta’ ksur serju tad-dritt internazzjonali mwettqa mill-forzi Marokkini ta’ okkupazzjoni kontra l-poplu tas-Saħara tal-Punent.
Full & Egal Universal Law Academy