Kawża T-386/18: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u BUR
C2942018MT5610120180627MT0070561572
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Iccrea Banca vs Il-Kummissjoni u BUR
(Kawża T-386/18)2018/C 294/70Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Iccrea Banca SpA Istituto Centrale del Credito Cooperativo (Roma, l-Italja) (rappreżentanti: P. Messina, F. Isgrò u A. Dentoni Litta, avukati)
Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
Tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/SRF/2018/03 tat-12 ta’ April 2018 u, fejn applikabbli, l-Annessi tagħha, kif ukoll id-deċiżjonijiet l-oħra kollha eventwali tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li għadhom mhux magħrufa, li kienu l-bażi tad-deċiżjonijiet tal-Banca d’Italia (il-Bank Ċentrali tal-Italja) Nru 0517765/18 tas-27 ta’ April 2018 u Nru 0646641/18 tat-28 ta’ Mejju 2018;
—
tikkumpensa, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, lil ICCREA Banca għad-danni li hija sofriet minħabba l-ħlasijiet ikbar li kellha twettaq, danni kkawżati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, u fil-każ li t-talbiet magħmula iktar il-fuq jiġu miċħuda, tiddikjara li l-Artikolu 5(1)(a) u (f) tiegħu huwa invalidu (jew, jekk ikun il-każ li r-Regolament fl-intier tiegħu huwa invalidu), peress li jmur kontra l-prinċipji fundamentali ta’ trattament ugwali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità;
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/SRF/2018/03 tat-12 ta’ April 2018 u l-Annessi tagħha, kif ukoll id-deċiżjonijiet l-oħra kollha tal-istess Bord, li għadhom mhux magħrufa, li servew sabiex jiġu ddeterminati, fir-rigward tar-rikorrenti, il-kontribuzzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 ( 1 )
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ investigazzjoni, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, fuq ksur u applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 5 tar-Regolament UE/63/2015, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.
—
F’dan ir-rigward qed jiġi allegat li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament 63/2015 fid-determinazzjoni tal-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet dovuti mir-rikorrenti sa fejn huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-obbligazzjonijiet intragrupp.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ investigazzjoni, fuq evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni fattwali, fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(f) tar-Regolament UE/63/2015, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.
—
F’dan ir-rigward qed jiġi allegat li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 5(f) tar-Regolament UE/63/2015 billi ħoloq sitwazzjoni ta’ kalkolu doppju.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-aġir ta’ korp tal-Unjoni li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din tal-aħħar, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jissodisfa l-elementi kollha li sa minn dejjem kienu meħtieġa mill-ġurisprudenza Eweopea sabiex issir tali talba, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkontestat tal-istituzzjonijiet, dannu effettiv u rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament u inċidentalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ ekwivalenza u ta’ trattament ugwali, li jwasslu għall-inapplikabbiltà tar-Regolament UE/2015/63.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tallega li l-eventwali nuqqas ta’ qbil bejn l-imsemmi regolament u s-sitwazzjoni tar-rikorrenti jikser il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq sa fejn, minn naħa, persuni li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali ta’ ICCREA huma suġġetti għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet, fatt li jaggrava illegalment is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u li għandu bħala konsegwenza li sitwazzjonijiet analogi jkollhom jiġu trattati b’mod differenti.
( 1 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal- 21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni(ĠU 2015 L 11, p. 44)
Full & Egal Universal Law Academy