1.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 352/36
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2018 – Riesco García vs Il-Parlament
(Kawża T-391/18)
(2018/C 352/42)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Juan Carlos Riesco García (Rota, Spanja) (rappreżentant: M. Tey Ariza, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
permezz ta’ dan l-att tiegħu u skont il-kompetenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent jippreżenta rikors intiż għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni fir-rigward tar-risposta rċevuta mill-Kummissjoni tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-31 ta’ Mejju 2017 għall-petizzjoni tiegħu Nru 0741/2015 dwar l-allegata diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali permanenti u l-uffiċjali temporanji tas-servizz pubbliku rigward id-differenza fit-trattament marbuta mal-kundizzjonijiet tal-irtirar ta’ impjegati tal-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat Spanjol;
—
abbażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (Direttiva tal-Kunsill 1999/70 tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP), tiddikjara l-azzjoni ammissibbli, tiddeċiedi dwar il-kwistjoni mressqa u, abbażi ta’ dan, tordna l-Istat Spanjol jiddikjara u jagħti effett b’mod immedjat lid-dritt tal-uffiċjali kollha tal-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat Spanjol għall-istess kundizzjonijiet jew għal kundizzjonijiet simili ta’ aċċess għall-irtirar antiċipat.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola li hija s-suġġett tal-petizzjoni, numru ta’ uffiċjali (ta’ karriera) permanenti li huma affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali, u li javviċinaw l-irtirar volontarju, jistgħu jbiddlu l-iskema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, peress li huma uffiċjali permanenti; filwaqt li impjegati temporanji ma jistgħux jagħmlu l-istess peress li ma humiex impjegati permanenti.
Ir-rikorrent iqis li r-risposta infondata rċevuta mill-Kummissjoni tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew għall-petizzjoni Nru 0741/2015 hija diżappuntanti u inkomprensibbli; dan l-organu, li ddikjara din il-petizzjoni ammissibbli u qies, fit-3 ta’ Awwissu 2016, li kien neċessarju li l-leġiżlazzjoni Spanjola tikkonforma mad-Direttiva 1999/70 kif ġie mitlub (kundizzjonijiet tal-irtirar ugwali), inkluż il-possibbiltà li tinbeda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, sussegwentement irrittrattat, billi argumentat li kien hemm “kwistjonijiet fattwali” mhux riżolti.
Huwa iktar inkomprensibbli l-fatt li, fil-każ ta’ dubji dwar din il-kwistjoni, ma jsirx riferiment għall-istituzzjoni kompetenti sabiex jiġi deċiż jekk huwiex neċessarju, f’dan il-każ, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma mad-Direttiva 1999/70, jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li minflok jiġi propost li din il-kwistjoni titressaq quddiem il-qrati nazzjonali, li huma inqas kompetenti, jew saħansitra ma għandhomx il-kompetenza, li jiddeċiedu dwar in-neċessità li d-dritt nazzjonali jikkonforma ma’ dak tal-Unjoni.
Full & Egal Universal Law Academy