Kawża T-410/18: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 – Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 – Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-410/18)
2018/C 285/62Lingwa tal-kawża: il-ĠermaniżPartijiet
Rikorrenti: Silgan Closures GmbH (München, il-Ġermanja), Silgan Holdings Inc. (Stamford, Connecticut, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: H. Wollmann, D. Seeliger, R. Grafunder u V. Weiss, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 264 TFUE sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
B’dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2466 finali tad-19 ta’ April 2018 dwar il-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 ( 1 ) fil-Każ AT. 40522 – Pandora.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin:
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċċaħħad minn bażi legali proċedura quddiem il-Bundeskartellamt Ġermaniż (l-Uffiċċju Federali tal-kompetizzjoni) fl-istess każ, li ilha pendenti iktar minn tliet snin u li waslet fi stadju fejn tista’ tingħata deċiżjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata la kienet neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-proċeduri ta’ awditu mixtieqa minnha u lanqas ma kienet xierqa, fid-dawl tal-iżvantaġġi tagħha għar-rikorrenti, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi reċiproċi involuti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni
Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni ma indikatx fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-ftuħ tal-proċedura kienet neċessarja u ġġustifikata fid-dawl tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter
Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni ġiet ordnata sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jiġu ssanzjonati fl-ambitu tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 2 ).
( 1 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).